Lokali

Il-PN jesiġi lill-Gvern biex jagħti rendikont tal-mod kif ingħataw żewġ Direct Orders dwar apparat li jsegwi lit-tfal tal-Iskola

Il-Partit Nazzjonalista jagħmel referenza għal rapporti fil-media li jirreferu għal żewġ Direct Orders ta’ €118,800 u €132,500 mogħtija mill-Ministeru tal-Edukazzjoni għal apparat li jsegwi lit-tfal tal-iskola fi triqthom lejn u mill-Iskola (Fobs) u, filwaqt li jenfasizza li din l-inizjattiva għandha tkun implimentata fl-immedjat, jagħmilha ċara li mhux aċċettabbli li biex inxtrat din is-sistema kellhom jinħarġu żewġ Direct Orders ta’ ammonti kbar ta’ fondi pubbliċi.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija miktuba mill-Kelliem għall-Edukazzjoni, Justin Schembri f’isem il-PN fejn tkompli tgħid li għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern pubblikament jagħti rendikont tal-proċess li wassal biex ingħataw dawn iż-żewġ Direct Orders u jispjega kif, minkejja li din is-sistema ilha mwegħda diversi snin, xorta żspiċċa ma nħareġ l-ebda tender pubbliku. Minflok, il-Ministeru għażel b’mod dirett lil min jagħtih f’ċirkostanzi li żgur mhumiex eċċezzjonali, skont kif jistipulaw ir-regolamenti tal-Public Procurement.

Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li din l-informazzjoni tkun ippubblikata fl-aħjar interess tal-governanza tajba u tal-kontabbiltà, bl-għan li jkun żgurat li l-fondi pubbliċi jintużaw bl-aħjar mod fis-settur edukattiv ta’ pajjiżna.