Lokali

Is-Sindku tal-Belt Valletta jiddefendi lil Alison Zerafa Civelli u jattakka lin-Nazzjonalisti

Alfred Zammit jagħżel li jiddefendi lil Alison Zerafa Civelli u mhux lill-Beltin

Is-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit, reġa’ għażel li jkun fuq in-naħa opposta tar-residenti li suppost jirrapreżenta. Fl-aħħar sigħat, Zammit kiser is-silenzju fuq il-midja soċjali, u wara li għal dawn l-aħħar ġimgħat rari tkellem jekk mhux għax kien ippressat mill-media indipendenti biex jagħmel dan, dwar il-kwistjoni tal-avviż legali li ħareġ il-Gvern mingħajr ebda konsultazzjoni ma’ ħadd, ħareġ jiddefendi lis-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli. Nhar it-Tnejn li għadda, l-eks Sindku ta’ Bormla, tkelmet fil-Parlament waqt li l-Gvern u l-Oppożizzjoni, kienu qed jiddiskutu l-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-avviż legali li emenda l-ħin sa x’ħin il-ħwienet fil-Belt Kapitali jistgħu jibqgħu jdoqqu l-mużika fuq barra.

Il-post ta’ Alfred Zammit fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook, sabiex jiddefendi lil Alison Zerafa Civelli minflok lir-residenti Beltin

Waqt id-diskors tagħha, Zerafa Civelli fost l-oħrajn qalet li ‘kien hemm żmien fejn sfortunatament, ir-residenti Beltin kienu jiddejqu jgħidu li ġejjin minn hemm (Belt Valletta)’. Din id-dikjarazzjoni nislet xita ta’ kritika fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, minn numru kbir ta’ Beltin, kemm dawk li huma residenti kif ukoll dawk li m’għadhomx jgħixu l-Belt Valletta iżda ġejjin mill-Belt Kapitali. Fl-aħħar sigħat, Beltin ta’ kull kulur politiku, ingħaqdu f’kor wieħed sabiex jgħidu li huma minn dejjem kienu kburin li huma Beltin, u li l-kummenti ta’ Zerafa Civelli kienu jweġġgħu lill-Beltin u bla sens fiċ-ċirkostanzi.

Quddiem ir-rabja kbira tal-Beltin lejn kif qed jimxi magħhom il-Gvern ta’ Robert Abela, is-Sindku tal-Belt Valletta reġa’ għażel li ma jiddefendix lill-Beltin, u minflok ħareġ għonqu għal Alison Zerafa Civelli.

Iżda dak li suppost kellu jkun minn ta’ quddiem sabiex jiddefendi lir-residenti Beltin, anke f’kontroversja oħra li qed tkompli toskura lill-Partit Laburista mal-Beltin kollha, is-Sindku Alfred Zammit, reġa’ għażel li ma jkunx fuq in-naħa tar-residenti u ta’ kull min hu Belti. Fuq il-midja soċjali, Zammit qal li Zerafa Civelli “għamlet diskors tfaħħar lill-Belt Valletta u niesa. Huwa rresponsabbli u nġust min qabad biss vers u xewwex lin-nies tal-Belt Valletta kontra Alison.”

Anke jekk fl-ebda mument, Zammit ma kkundanna l-kummenti dispreġattivi ta’ Zerafa Civelli fil-konfront tal-Beltin, is-Sindku Laburista prova jikkumpensa għall-kritika li qed ikollha oħt il-mara tal-Prim Ministru Robert Abela, billi qal li fil-ġimgħat li għaddew, Zerafa Civelli ppreżentatlu s-somma ta’ €112,000 “għall-ġid tar-residenti u tal-proġetti li se jsiru fil-ġimgħat li ġejjin.” Għal din il-ġustifikazzjoni, kienu bosta l-Beltin, inkluż dawk li huma magħrufa li jagħtu l-appoġġ lill-Partit Laburista, li b’sarkażmu rringrazzjaw lis-Segretarju Parlamentari talli għamlet din l-għotja finanzjarja minn butha stess.

Hekk kif il-pressjoni qed tkompli tikber fuq Zammit u l-maġġoranza tal-Kunsilliera Laburisti fil-Belt Valletta, is-Sindku tal-Belt Valletta għażel li minflok jikkundanna lill-ħames deputati Laburisti li huma eletti mill-Ewwel Distrett, talli dawn ivvutaw kontra x-xewqa tar-residenti Beltin, infexx jattakka lin-Nazzjonalisti. Zammit kiteb fuq il-midja soċjali li “tista’ ma taqbilx mal-bidliet li l-Gvern jipproponi iżda li xxewwex lin-nies u tinstiga mibgħeda u tgħajjir, m’huwiex aktar aċċettabbli! Għall-lum se nieqaf hawn u nemmen li l-maġġoranza tal-Beltin puri, huma ferm differenti minn min ma tgħallem xejn minn telfa elettorali wara l-oħra u jibqa’ negattiv u jgħid le għal kollox anki meta l-bidliet huma miktuba ċari anki fl-avviż legali maħruġ mill-Gvern,”

Intant għal kontra ta’ dak li normalment jiġri, din id-darba tal-istess fehma bħal dik tas-Sindku Zammit, kien hemm il-Viċi Sindku Laburista, Raymond Azzopardi li hu sigriet magħruf li dawn it-tnejn ma jarawx għajn m’għajn.

Azzopardi, li minn wara l-elezzjoni ġenerali beda’ jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Ministru Aaron Farrugia, għaliex dan taħ impjieg fil-Ministeru tiegħu, għażel li jikkundanna lil min ikkritika lil Zerafa Civelli, u mhux bil-kontra. Il-Viċi Sindku Laburista fil-Belt Valletta, li hu magħruf sew għal kemm jikkumenta fuq il-midja soċjali dwar kull ħaġa, partikolarment biex jattakka lill-Partit Nazzjonalista, għażel li jżomm is-silenzju fl-isfond tal-kontroversja kollha marbuta mal-avviż legali maħruġ mill-Gvern u fl-ebda ħin ma tkellem jew ħareġ għonqu għar-residenti Beltin.

Hu fatt magħruf, għaliex kien Azzopardi nnifsu li kkonferma dan waqt l-aħħar seduta tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, li dan l-istess silenzju kien ordnat mis-Sindku Zammit. Dwar dan il-fatt, fl-istess laqgħa li saret quddiem ir-residenti, ħareġ biċ-ċar il-qasma u t-tensjoni li teżisti bejn Zammit u Azzopardi, hekk kif dawn spiċċaw jargumentaw quddiem kulħadd.

“il-kummenti ta’ Zerafa Civelli rrabjaw lil Beltin, iżda dak li vera jweġġa’ u jinsulenta lit-tfal tal-Belt Valletta, hu l-mod ta’ kif is-Sindku, Alfred Zammit qed jagħżel li jiddefendi lil min insulenta lill-Beltin ta’ kull kulur politiku.”

Għal darb’oħra, dawn l-episodji qed ikomplu juru kemm il-Partit Laburista, fuq livell ta’ distrett kif ukoll ta’ Kunsill Lokali, huwa insensittiv minn dak li qed jgħidu u jħossu l-Beltin ta’ kull fehma politika. Illejla, kemm wara l-kummenti li għadda Zammit fuq il-midja soċjali, kif ukoll wara l-vot li ttieħed fil-Parlament, kienu bosta dawk li għamlu kuntatt ma’ Net News sabiex juru d-diżappunt tagħhom lejn kif il-Gvern ta’ Abela qed jagħżel li jimxi mal-Beltin. Persuna partikolari u li toqgħod il-Belt Valletta, saħqet mal-kamra tal-aħbarijiet tagħna li hi dejjem ivvutat għall-Partit Laburista f’kull elezzjoni li saret. Madankollu, skont din il-persuna, filwaqt li “il-kummenti ta’ Zerafa Civelli rrabjaw lil Beltin, dak li vera jweġġa’ u jinsulenta lit-tfal tal-Belt Valletta hu l-mod ta’ kif is-Sindku, Alfred Zammit qed jagħżel li jiddefendi lil min insulenta lill-Beltin ta’ kull kulur politiku.”