Kuntratt ta’ miljuni kbar – negozjati qabel l-għażla – segretezza assoluta. Huma dawn uhud mill-fatti illi joħorġu mill-analizi li saret mill-NAO b’rabta mas-servizz tal-karozzi tal-linja. Fejn l-Awditur Ġenerali ma ngħata kważi ebda dokument dwar in-negozjati li kienu saru tmien snin ilu bejn il-Gvern u l-kumpanija barranija li kienet rebħet dan il-kuntratt għas-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna – ftehim li ta’ kull sena qed jiswa lil pajjiżna kważi 29 miljun ewro.
L-Awditur Ġenerali Chis Deguara preżenta rapport dettaljat lill-Ispeaker Anglu Farrugia dwar id-deal ta’ 430 miljun ewro li kien ingħata mill-Gvern sabiex jitmexxa s-servizz tat-trasport pubbliku – servizz li ghadu sal-lum mifni b’diversi probelmi.
Fit-8 ta’ Jannar tas-sena 2015 kien ġie ffirmat il-kuntratt bejn Transport Malta u l-operatur il-ġdid Autobuses de Leon, b’dan il-ftehim ikopri l-għoti ta’ dan is-servizz sas-7 ta’ Jannar tal-2030. Huwa kkalkulat li dan il-kutratt ta’ 15-il sena se jkun sewa lill-Gvern Malti aktar minn 28.5 miljuni fis-sena.
Fil-verifika li saret, l-NAO nnota kif il-proċess li wassal biex inghata dan il-kuntratt kien imwettaq b’sens ta’ urġenza li ġġenera riskji ovvji. Dan ir-rapport wera kif il-mekkaniżmu stipulat fl-espressjoni ta’ intress ma kienx jikkwantifika b’kemm din il-preferenza se tkun iffavorita iżda stipula li din il-preferenza se tkun iffavortia b’mod assolut.
Din il-verifika wriet ukoll li l-offerenti prospettivi kienu preżentati b’financial statements li kienu għadhom iridu jiġu verifikati u li dawn ġew mogħtija meta kien diġà għadda nofs iż-żmien stipulat li fih l-offerenti setgħu jitfgħu l-offerta tagħhom.
Dan l-uffiċċju esprima tħassib ukoll għan-nuqqas ta’ kjarezza li wera l-gvern meta ġie biex jispjega kif se jittratta ċerti line items li kienu imniżżla, liema line items setgħu jħallu impatt sinifikanti fuq il-kapital tal-istess kumpanija.
Dokumenti li vverifika l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali jindikaw li l-fażi tan-negozjati mal-offerent preferit, inbdiet qabel mal-Awtorità kkonfermat uffiċjalment din l-għażla. Fi kliem semplici, il-Gvern beda jinnegozja mal-operatur tas-servizz tal-linja qabel kienet konfermata l-ghazla ta’ din il-kumpanija.
//= $special ?>