Parlament

M’għandux ikun hemm kumpens lil Sadeen li kisru l-kuntratt dwar l-‘università’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlament li m’għandux ikun hemm kumpens lil Sadeen li kisru l-kuntratt dwar l-università.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament dwar ir-riżoluzzjoni dwar l-art li l-gvern se jagħati fi SmatCity lil Sadeen, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-kwistjoni taż-Żonoqr kienet ħadma u se tibqa’ ħadma għall-poplu Malti.

Hu sostna li l-art fiż-Żonoqr ma kellha qatt tittieħed u tingħata lill-barranin sħab tal-Gvern; lill-ispekulaturi. Il-PN mill-bidu induna li din kienet ħadma u ħadem favur il-poplu u l-Iskalin; illum il-PN qed jingħata raġun.

Il-Prim Ministru jistħi jsemmi lil Sadeen u lill-Ġordaniżi iżda jsemmi biss lill-AUM; konferma oħra li dan kien ftehim ħadma. Flok biegħu ħolma din kienet biss inkubu tant li ani l-Gvern Labrista qed jgħid li għandu obbligi kuntrattwali.

Ftehim li ma jkunx onorat minn parti ma jistax jibqa’ jkun onorat, sostna il-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li l-Prim Ministru insista fuq ftehim sigrieti. Għaliex il-Prim Ministru jħossu marbut? Hemm xi rbit ieħor li mhux magħruf u li l-Gvern hu obbligat li jagħti art oħra lil Sadeen?, staqsa Bernard Grech, li qal li l-gvern Laburista ħadem lill-poplu Malti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li m’għandu jkun hemm ebda kumpens lil Sadeen u sostna li l-PN kien mal-poplu Malti anki fuq il-proġett tal-marina f’Marsascala li ried jagħmel il-Prim Ministru. Robert Abela kellu jċedi fuq dawn il-proġetti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-poplu ta l-fiduċja lill-Gvern Laburista iżda l-Gvern ma jistax jibqa’ jagħmel li jrid. Il-Prim Ministru mhux jagħti kas dak li qed iħossu l-Iskalin u l-poplu Malti, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li sostna li l-Gvern naqas ukoll milli jagħti kas lir-residenti Beltin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-gvern se jagħti propjetà ta’ €60 miljun għal €15,000; kull metru kwadru se jingħata b’47 ċenteżmu. Il-Gvern missu għen lis-soċjetà iżda aġevola lil Sadeen u lill-ispekulaturi waqt li jinjora lill-poplu li għandu bżonn l-għajnuna.

Bernard Grech qal li l-PN jemmen li dak li hu tal-poplu għandu jibqa’ tal-poplu u l-art m’għandiex tinsteraq mill-pubbliku. L-Oppożizzjoni se tivvota kontra u se tibqa’ tkun il-vuċi tal-poplu; il-PN iżomm kelmtu u ma jisseħibx ma spekulaturi biex jaħdmuh.