Lejliet l-impenn fl-Europa Conference League, l-iskwadra ta’ Hamrun Spartans tħarrġet fir-Republican Stadium f’Yerevan fejn għada se jkunu qed jaffrontaw lit-tim Armen ta’ FC Alashkert fl-ewwel leg tal-Ewwel Rawnd ta’ Kwalifikazzjoni.

Qabel din is-sessjoni l-kowċ tal-Ispartans Branko Nisevic u d-difensur Steve Borg taw il-kummenti tagħhom lil media waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Nisevic qal li hu flimkien mal-istaff tekniku tiegħu għamlu r-riċerka fuq it-tim Armen u jidher li huwa tim validu ħafna anke meta tqis li l-istaġun li għadda lagħbu fil-fażi tal-gruppi, pero saħaq li Ħamrun Spartans jinsabu preparati sewwa minn kull aspett u jipprevedi logħba bbilanċjata. Nisevic kompla jgħid li għalkemm Ħamrun huma nieqsin mill-logħob fl-Ewropa għal dawn l-aħħar tletin sena, l-iskwadra hija magħmula minn plejers ta’ esperjenza f’dan il-livell kemm mal-klabbs kif ukoll mat-tim Nazzjonali. Fl-aħħar nett huwa qal li l-prijorità tat-tim tiegħu hi li jkollu prestazzjoni tajba.
Id-difensur Internazzjonali Malti Steve Borg qal li l-iskwadra hija preparata sewwa speċjalment mill-att fiżiku u li l-plejers kolla huma determinati li jgħatu l-mija fil-mija tagħhom biex iġibu l-aħjar riżultat barra minn darhom sabiex mbgħad f’Malta jkunu jistgħu jibnu fuqu.
