Enerġija Lokali

Rabja kbira wara li ġie kkonfermat li l-familji mhux se jingħataw refund

Għalkemm il-Qorti kkonfermat li l-poplu Malti u Għawdxi matul dawn l-aħħar snin kien qed jinsteraq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma… il-Gvern Laburista ta’ Robert Abela mhux se jkun qed jagħti refund lil dawk il-familji li nsterqu minħabba l-mod li bih inħadmu l-kontijiet. Deċiżjoni li qajmet rabja enormi fost numru kbir ta’ persuni …inkluż dawk li kkummentaw fuq l-istorja li ġiet ippublikata mill-media tal-Partit Laburista fuq il-Paġna tagħhom ta’ Facebook.

Bosta fil-fatt esprimew it-tħassib dwar ir-raġuni għaliex il-Gvern qed jisraqhom dawn il-flus kollha, u staqsew meta se jieħdu flushom lura… b’persuna partikolari tgħid li b’dak kollu li sar huwa evidenti li saret vendikazzjoni magħħhom.

Numru kbir ta’ individwi kitbu li jridu flushom lura għax ilhom għal dawn l-aħħar snin iħallsu kontijiet għoljin li ma jirriflettux l-konsum.

B’kummenti oħra jibqgħu jippersistu li huwa d-dritt tagħhom li jingħtaw refund tal-flus żejda li ħallsu matul is-snin.

Persuni oħra kkummentaw ukoll dwar kif minkejja li investew fis-sistema tal-pannelli, il-kontijet xorta baqgħu jiġu għoljin – turija ċara ta’ kemm litteralment qed jiġu misruqin.

Intant l-Erbgħa filgħodu, Net News saqsa lid-Deputat Mexxej Laburista Daniel Micallef għala l-Gvern Laburista, minkejja li tela’ bl-għajta li se tejjeb l-ħajja tan-nies, qed jibqa’ jippersisti milli jagħti refund lil dawk kollha li nsterqu minn dawn il-kontijiet. B’Micallef, bħalma qalet il-Minsitru Miriam Dalli, jerġa’ jikkonferma li r-refund se jingħata biss għas-serq li sar mill-bidu ta’ din is-sena.  U mhux għas-snin ta’ qabel.

Minkejja d-domandi persistenti li għamilna, id-Deputat Mexxej Laburista baqa’ jaħrab il-mistoqsijiet ta’ Net News.

Għal darb’oħra, erġajna tlabna sabiex ningħataw tweġiba għall-mistoqsija li għamilna… iżda Daniel Micallef baqa’ sieket dwar din it-tema kontroversjali.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech minn naha tieghu qed jibqa’ jinsisti li s-serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandu jieqaf immedjatament, u dak li insteraq matul is-snin għandu jingħata kollha lura mill-iktar fis.