Internazzjonali

Renju Unit: Boris Johnson jinsab fix-xifer wara l-mewġa ta’ riżenji

Il-ġranet li jmiss għandhom ikunu deċiżivi għall-Gvern Britanniku u partikularment għall-futur tal-Prim Ministru Boris Johnson li qed jagħmel minn kollox biex jibqa’ fit-tmexxija tal-Partit Konservattiv ( fil-Gvern) wara l-aħħar spinta ta’ riżenji mill-Kabinett ta’ Londra.

Ir-riżenji ta’ Rishi Sunak minn Ministru tal-Finanzi u ta’ Sajid Javid minn Ministru tas-Saħħa bla dubju huma l-aktar li laqtu ħażin lil Johnson, meta fi ħdan il-Partit Konservattiv jidher li hemm arja ta’ rewwixta fost id-deputati fil-Gvern li qegħdin jipprotestaw bil-qawwi kontra t-tmexxija tal-Prim Ministru.

U waqt li Nadhim Zahawi, li laħaq Ministru tal-Finanzi minflok Sunak, ħeġġeġ għall-għaqda fost it-Tories, fl-aħħar sigħat kien hemm jerġa’ aktar riżenji ta’ Ministri u ta’ uffiċjali ewlenin mal-Gvern. Fil-fatt, kienu kkonfermati 16-il riżenja ta’ persuni influwenti fil-Gvern fi spazju ta’ 24 siegħa.

It-tmexxija tal-Partit Konservattiv u tal-pajjiż ilha x-xhur fi kriżi – bis-sitwazzjoni ta’ Johnson tiżbroffa fost  tilwima dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru biex jaħtar lid-deputat Chris Pincher bħala viċi chief whip  tat-Tories aktar kmieni fis-sena.

Pincher, intant, qed jiffaċċja akkużi ta’ imġieba indiċenti li mhix kompatibbli mal-kariga ta’ deputat u issa l-Prim Ministru Johnson qed jgħid li hu ‘żbalja bil-kbir’ meta ħatar lil dan id-deputat bħala viċi-chief whip waqt li insista li, dak iż-żmien, ma kienx jaf dwar l-allegazzjonijiet miġjuba kontra Pincher.

L-aħħar riżenji mill-Gvern kienu ta’ Will Quince u Robin Walker bħala Ministri għall-Edukazzjoni waqt li għamlu l-istess il-Ministru tat-Teżor, John Glen, il-Ministru tal-Ġustizzja Victoria Atkins u ż-żewġ uffiċjali ministerjali Laura Trott u Felicity Buchan.

Dan ukoll meta r-riżenja ta’ Sajid Javid, fil-fatt, hi t-tieni waħda tiegħu mill-Kabinett ta’ Johnson .

Boris Johnson, aktar kmieni fis-sena, kien rebaħ vot ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu fost id-deputati Konservattivi u li jfisser li – taħt ir-regoli tal-partit – ħadd ma jista’ jikkuntestah bħala Kap tat-Tories fi żmien sena.