Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ħebb għall-ħames membri tal-familja

Raġel ta’ 38 sena li għandu l-vizzju tad-droga kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li ħebb għall-ħames membri tal-familja, tliet li zijiet u żewġ kuġini. Ir-raġel, li ismu mhux jixxandar biex tkun protetta l-identità tal-familja tiegħu, instab ħati li fl-14 ta’ Ġunju li għadda fis-Siġġiewi ta fastidju lill-qrabatu, beżżagħhom u heddidhom

Huwa ammetta wkoll li fl-10 ta’ Ġunju u erba’ t’ijiem wara kkaġuna ġrieħi ħfief lil wieħed miz-zijiet tiegħu u li kellu l-kokaina u arma tan-nar. Huwa ammetta u minbarra sentenza sospiża, l-Maġistrat Gabriella Vella kkonfiskatlu żewġ snieter waqt li qegħditu taħt ordni ta’ superviżjoni għall-perjodu ta’ erba’ snin. Ir-reati seħħew fis-Siġġiewi bl-akkużat kien qed jiffaċċa 12-il akkuża.

Il-Qorti wissietu wkoll biex ma jdejjaqx lill-membri tal-familja involuti f’dan il-każ u li jekk jagħmel hekk jista’ jeħel multa ta’ €7,000. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom l-imputat instab ħati, l-kondotta, li jirriżulta li diġa kellu kundanna u li għalhekk sar reċediv.

Ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li l-imputat għandu problema akuta ta’ dipendenza fuq id-droga, u l-fatt tal-ammissjoni tiegħu fi stadju bikri tal-proċeduri. Dwar l-ordni ta’ superviżjoni l-Qorti nnotifikar lid-Direttur tal-probation services. Ikl-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman.