Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li ta xeba’ lis-sieħba tiegħu għax ħaseb li qed tittradih

Raġel ta’ 34 sena mill-Isla ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lija li f’Ġunju tal-2014 ta xeba’ lis-sieħba tiegħu u saħansitra kissrilha l-karozza quddiem binthom ta’ sitt xhur. Ir-raġuni tas-swat li kien wieħed agressiv, billi taha bis-sieq f’sidirha u ġembejha kienet għax kellu suspett li qed tittradih.

Isem ir-raġel ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-mara u ta’ binthom li illum għandha tmien snin. Huwa nstab ħati li fil-5 ta’ Ġunju ta’ tmien snin ilu, fl-Isla, ikkaġuna b’€2,500 ħsara fil-karozza u li kkaġuna lis-sieħba tiegħu feriti ħfief.

Kienet il-vittma stess li marret tagħmel rapport fl-Għassa ta’ Bormla fejn qalet lill-pulizija li kellha argument mas-sieħeb fid-dar tiegħu fejn huma kienu qegħdin jabitaw. L-Ispettur Robert Said Sarreo, kien qal li fil-5 ta’ Gunju 2014 għall-ħabta tat-8pm il-mara marret fl-Għassa ta’ Bormla u għamlet rapport li kellha argument mas-sieħeb tagħha, waqt li kienet id-dar tal-ġenituri tiegħu. Hija rrapportat li l-imputat kien aggrediha bis-sieq u bil-ponn u għamilha xi ħsara fil-karozza.

Ix-xhud spjega li fl-l t’Ottubru 2014 huwa kien baghat ghall-imputat l-Ghassa u wara li dan irrifjuta l-jedd għall-assistenza legali, kien ta stqarrija fejn qal li kellhom xi battibekki bejniethom minħabba messaggi li skont hu, hija kienet qed tirċievi fuq il-mobile tagħha u beda jissuspetta hażin.

L-argument kompla ġewwa r-residenza tiegħu fejn kien hemm disgwit rigward it-tifla u ġie fl-idejn ma Graziella. Ix-xhud spjega li Cutjar kien ammetta li refa’ jdejh fuqha u anke` li għamlilha ħsara fil-karozza, biss ċċara li wħud mid-daqqiet li kien hemm fis-survey report, fosthom fis-saqaf u tal-karozza u fil-bumper, ma kienx għamilhom hu imma kienu diġa hemm. L-Ispettur kien ukoll esebixxa sentenzi preċedenti li permezz tagħhom l-imputat kien instab hati ta’ għadd ta’ reati kriminali.

L-argument beda wara li hija rritornat tard mix-xiri u lmara rat lir-raġel iqalleb fil-mobile tagħha fejn beda jakkużaha li qed tittradih. L-akkużat fil-Qorti qal li huwa ma jiftakar xejn dwar l-inċident ħlief li ta xi daqqiet ta’ ponn fuq il-karozza fil-bieba u s-saqaf.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Nadine Lia qalet li mill-provi li tressqu jirriżulta li r-raġel ħebb għall-mara u kkaġunalha ġrieħi ħfief u ħsara fil-karozza. Meta ġiet biex tagħti s-sentenza saħqet li r-raġel kellu diversi inċidenti fil-passat tiegħu li jinvolvu reati kontra l-persuna li bdew mill-2007 u bl-aħħar waħda tkun fl-2013.

Ingħad ukoll li dawn ir-reati saru fuq omm il-wild tiegħu, aġir li għandu jitqies deplorabbli, iktar u iktar, meta bħala missier għandu jkun ta’ eżempju tajjeb għal bintu.

Xi ħaġa nkwetanti hi, qalet il-Maġistrat, li r-raġel ma wera ebdarimorsgħal għemilu, u lanqas skuża ruħu mal-eks sieħba u lanqas għamel tajjeb għall-ħsarat fil-karozza. Minbarra l-piena ta’ ħabs sospiża huwa kien ordnat iħallas lill-vittma €2,880 tal-ħsara kkaġunata fil-karozza tagħha. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Farr.