Rapport: Stewart Said
SAN ĠILJAN JP PROJECTS….. 13
SLIEMA FRANK SALT………….. 10
(4-5), (3-1), (2-1), (4-3)
It-tama ta’ Sliema Frank Salt li jibqgħu b’ċans li jirbħu n-knock-out għall-ewwel darba mill-2013 sfaxxat. Għat-tielet darba f’dan is-sajf, sfaw megħluba minn avversarji diretti għar-rebħ tal-unuri u issa jista’ jingħad li Sliema huma anqas favoriti minn San Ġiljan u Neptunes li jirbħu l-unuri. Il-Ġiljaniżi jidher li tgħallmu minn dak li batew kontra Neptunes is-Sibt li għadda u kienu aktar preċiżi quddiem il-lasta mill-avversarji. Fid-difiża spikka l-gowlkiper Jake Tanti li żgur rebaħ id-dwell tal-gowlkipers ma’ Nicky Grixti.
Sliema tilfu diversi okkażjonijiet ta’ skor f’mumenti differenti u qed juru li għad jonqoshom aktar kwalità biex jirbħu dawn il-logħbiet diretti. Jerome Gabarretta għal Sliema u Matthew Zammit għal San Ġiljan kienu t-tnejn neqsin mil-logħba għalkemm it-tnejn kienu preżenti fl-iskwadra.
Il-partita kellha bidu mill-aqwa anki jekk iż-żewġ difiżi setgħu kienu aktar organizzati. Liam Galea fetaħ l-iskor għal Sliema b’xutt fir-rokna. San Ġiljan dawru r-riżultat b’doppjetta ta’ Peter Borg, bit-tieni gowl jasal minn kontrattakk. Wara li f’żewġ okkażjonijiet Sliema ġabu d-draw, is-Slimiżi marru 5-4 minn fuq b’żewġ gowls lejn l-aħħar tas-sessjoni. Dino Zammit u Mark Meli kienu l-awturi ta’ dawn il-gowls.
Għalkemm John Brownrigg għamilhom 6-4 fit-tieni sessjoni, Sliema naqsu li jibnu fuq il-vantaġġ li kellhom. San Ġiljan kienu għaqlin biżżejjed li jieħdu vantaġġ mill-ispazji tal-avversarji u mhux biss irkupraw id-differenza iżda marru 7-6 minn fuq. Plumpton b’gowl sabiħ u Jake Bonavia b’doppjetta dawru r-riżultat.
Sliema kellhom iċ-ċans li jerġgħu jiksbu l-vantaġġ fit-tielet sessjoni anki wara li San Ġiljan marru 9-7. Zach Mizzi ġab id-draw fil-bidu tat-tielet sessjoni iżda Plumpton u Andreas Galea skorjaw għal San Ġiljan. Speċjalment lejn l-aħħar tas-sessjoni, Sliema kellhom okkażjonijiet minn Jamie Gambin, Matthew Mifsud u ċans ta’ kontrattakk li kollha fallewhom.
Id-distakk kiber għal 11-7 fl-ewwel perjodu tal-aħħar sessjoni, distakk li għamilha diffiċli għal Sliema biex jirkupraw. Iżda l-logħba kienet għadha ma spiċċatx għaliex wara li skorjaw Sliema, San Ġiljan spiċċaw mingħajr il-kowċ Zeljko Kovacic, it-Team Manager Silvio Borg u l-fiżjoterapista Edward Bonello li kollha tkeċċew wara li ħarġu miż-żona. Kovacic tkeċċa wara protesti ħarxa għal allegatament daqqa ta’ Zach Mizzi li ma ġietx issenjalata.
Minkejja li kien fadal ftit aktar minn nofs sessjoni, Sliema ma rnexxielhom jirkupraw l-iżvantaġġ u saħansitra kienu San Ġiljan li kabbru d-distakk sat-tmiem.
San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (2), A. Galea (3), N. Schiavone, R. Caruana, M. Zammit, B. Plumpton (4), D. Tully, J. Bonavia (2), N. Zammit (1), Da. Zammit, N. Bugelli (1), G. Vassallo, M. Ortoleva, D. Fero
Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta, L. Galea (2), D. Rizzo, M. Meli (1), B. Cachia, J. Cutajar (1), M. Mifsud, J. Brownrigg (1), J. Gambin, Z. Mizzi (2), Di. Zammit (3), A. Theuma, K. Borg
Referees: Carmine Buonpensiero, Massimo Angileri
EXILES………………………………… 6
NEPTUNES VIDEOSLOTS….. 18
(1-4), (3-2), (2-7), (0-5)
Neptunes Videoslots se jiltaqgħu fis-semifinali tan-knock-out kontra Birżebbuġa Freeport wara li għelbu lil Exiles. Fl-ewwel perjodu tal-logħba Exiles taw sfida denja sakemm Neptunes għollew il-livell fit-tielet sessjoni u aċċertaw mir-rebħa.
Neptunes fetħu vantaġġ komdu ta’ tliet gowls fl-ewwel sessjoni u kellhom vantaġġ ta’ 4-1 sa tmiem l-ewwel sessjoni. Reazzjoni minn Exiles li fit-tieni sessjoni rnexxielhom iġibu d-draw iżda qatt ma marru fil-vantaġġ. Neptunes irnexxielhom jieħdu vantaġġ doppju sa tmiem is-sessjoni minn Sam Gialanze u Stevie Camilleri.
Dawn il-gowls taw ftit stabbiltà lil Neptunes fit-tielet sessjoni. Huma rnexxielhom jaċċertaw mir-rebħa meta wara li Jake Bajada naqqas id-distakk għal 9-6, Neptunes skorjaw erba’ gowls konsekuttivi. It-tim ta’ Jovan Popovic kompla jikkontrolla fl-aħħar sessjoni għal rebħa komda.
Exiles: M. Castillo, N. Saliba, L. Purseshouse, P. Paris, T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti, N. Paris, J. Bajada (2), M. Aquilina (3), D. Fenech, G. Borg, M. Martellacci, M. Paris Roding
Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (1), S. Gialanze (3), G. Pace (1), J. Cachia (1), J. Spiteri Staines (3), S. Camilleri (4), J. Camilleri, J. Abela (2), M. Spiteri Staines, A. Fenech (2), M. Castillo (1), M. Rossi, M. Farrugia
Referees: Fabio Guarracino, Alex de Raffaele
Logħob li jmiss
Il-Ġimgħa
L-Ewwel Diviżjoni: Marsaxlokk v Otters 6.15pm, Valletta v Barracudas 7.20pm
Kampjonat Premier: Neptunes v Exiles 8.25pm
//= $special ?>