Lokali

Tmut id-dentista Ethel Vento Zahra li se tibqa’ maħbuba minn kulħadd

Il-ħajja kienet tħobbha wisq… u kienet tassigura li ħajjitha tgħixha mingħajr ma titlef minuta minnha… imdawrha b’dawk l-iktar għeżież għaliha.

Id-dentista Ethel Vento Zahra tilfet il-battalja mal-kanċer fl-età ta’ 44 sena wara seba’ snin li tawha l-aħbar xejn sabiħa… Ethel meqjusa minn dawk kollha li kellhom iċ-ċans li jkunu parti minn ħajjitha bħala mara ta’ qalb kbir li ġġib lil ħaddieħor qabilha, anke minkejja li hi għamlet is-snin fi tbatija.

Matul diversi intervisti, Ethel stqarret li hi qatt ma beżgħet mill-mewt, iżda l-biża’ tagħha kienet li titlef iż-żmien minn ma’ bintha. Kien għalhekk li qabel mewta ppjanat il-futur biex bintha, li llum il-ġurnata għandha għaxar snin, tgħix l-aħjar ħajja possibli ma’ missierha, anke jekk fin-nuqqas ta’ ommha.

“L-uniku dispjaċir tas-sitwazzjoni tiegħi li ma nistax inqatta ħajti mal-familja tiegħi,” kienet qalet Ethel.

F’intervista li kienet saret minn Lea Hogg waqt il-programm ‘Magħkom’ li xxandar fl-2021 fuq Net Television, Ethel kienet qalet li jiġri x’jiġri, wieħed dejjem għandu dejjem iħares lejn il-ħajja b’mod pożittiv.

“Dejjem trid tiffoka fuq l-affarijiet sbieħ fil-ħajja,” kienet qalet Ethel. “Tħares madwarek, issib ħafna affarijiet pożittivi li kultant inwarbuhom u niffukaw biss fuq dak li rridu nakkwistaw fil-futur. Wieħed irid japprezza aħjar dak li għandu bħalissa biex eventwalment ikun jista’ japprezza wkoll dak li se jiġi fil-futur.”

Minkejja l-isfidi li kienet għaddejja minnhom, Ethel qatt ma waqfet tgħin lil dawk fil-bżonn, tant li tul l-aħħar snin baqgħet tara lill-pazjenti tagħha.

U anke tul il-pandemija f’pajjiżna, minkejja li Ethel kellha twarrab daqsxejn mill-professjoni tagħha hekk kif kienet meqjusa bħala vulnerabbli, hi xorta waħda għinet kif setgħet billi assistiet bosta nies f’diffikultajiet li kellhom relatati mal-Covid fi ħdan id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika… bil-ħidma tagħha ġiet rikonoxxuta b’unur mill-istess Diaprtiment.