Lokali Qorti

Akkużat b’pornografija tat-tfal, fastidju u li talab minorenni tibgħatlu ritratti ndiċenti

Il-Pulizija akkużat żagħżugħ ta’ 25 sena li ċċirkola u kien fil-pussess ta’ ritratti indiċenti ta’ tfajla taħt l-età, li huwa akkużat ukoll li ta fastidju u talab favuri sesswali mingħandha fuq il-midja soċjali. L-Ispettur Joseph Busuttil ressaq il-Qorti lill-akkużat imwieled is-Sirja, residenti f’Marsaskala, ċertu Ramadan Ahmed Hamed, ħaddiem fil-kostruzzjoni, fuq akkużi ta’ pussess u tixrid ta’ pedopornografija, fastidju fuq tifla taħt l-età u u talab favuri sesswali lil minuri.

L-ispettur spjega lill-maġistrat Josette Demicoli kif kienet bdiet l-investigazzjoni meta tfajla mħassba ta’ 17-il sena kienet ċemplet lill-pulizija biex tirrapporta li xi ħadd qalilha li kellu ritratti pornografiċi tagħha u heddidha li kien se jiċċirkulahom.

Fil-Qorti ntqal li s-sena l-oħra, ta’ 16-il sena, it-tfajla kienet bagħtet stampi kompromessi tagħha nnifisha lil raġel li aktar tard instab li kien qed juża profil ta’ Facebook taħt isem falz. L-investigazzjoni tal-pulizija kienet identifikat b’suċċess lir-raġel bħala Hamed, li meta msejjaħ għall-interrogazzjoni kien ikkonferma li dan kien minnu.

“Ir-raġuni li tana kienet li ried jgħallem lit-tfajla biex ma tagħmilx affarijiet bħal dawn,” xehed l-ispettur. L-akkużat tħalla joqgħod bilqiegħda mill-Qorti wara li deher li qed jbati biex jibqa’ fuq saqajh minħabba kundizzjoni li għandu. L-avukat difensur ta’ Hamed, Jason Grima, sostna li dan wera li r-raġel kien ġenwin.

Sussegwentement, f’isem l-imputat iddaħħlet dikjarazzjoni ta’ mhux ħati, segwita minn talba għall-ħelsien mill-arrest. Iżda l-akkużat qal li ma kienx jaf l-indirizz tiegħu stess, meta mistoqsi mid-deputat reġistratur tal-qorti. Tenna li l-indirizz kien imniżżel fuq il-mowbajl tiegħu, li madankollu kien inqabad mill-pulizija bħala prova.

Il-kwistjoni ġiet solvuta wara li ħu r-raġel, li kien qed jistenna barra l-awla, ġie msejjaħ biex jikkonferma l-indirizz residenzjali tiegħu. L-Ispettur Busuttil oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest tar-raġel, għar-raġuni li l-minuri kienet għadha ma xehditx, filwaqt li rrimarka li r-raġel seta’ faċilment jerġa’ jikkuntattjaha fuq il-midja soċjali.

Għad-difiża, Grima sostna li ċ-‘chat’ u l-filmati inkwistjoni kienu diġà fil-pussess tal-pulizija u li r-raġel kien diġà ta l-ispjegazzjoni tiegħu lill-pulizija. Ħu l-akkużat kien lest li joqgħod bħala garanti għall-ħelsien mill-arrest ta’ Hamed, żied jgħid l-avukat.

Il-Qorti tat lir-raġel il-libertà proviżorja, filwaqt li nnutat li l-garanziji offruti ssodisfaw ir-rekwiżiti legali għall-ħelsien mill-arrest. Imponiet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur it-tfajla, li tipprojbixxi lir-raġel milli jikkuntattjaha jew javviċinaha b’xi mod. Ir-raġel ġie ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija tliet ijiem kull ġimgħa u josserva curfew. Il-libertà proviżorja kienet garantita b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000.