Lokali Parlament

Il-Gvern għandu jerġa’ jagħti lura l-art pubblika li ttieħdet fl-Isla

Bernice Bonello, PN

Id-deputat Nazzjonalista Bernice Bonello sostniet fil-parlament li l-Gvern għandu jerġa’ jagħti lura l-art pubblika li ttieħdet fl-Isla b’mod partikolari ż-żona ta’ parkeġġ li hemm taht in-niżla tal-Maċina.

Kulħadd għadu jiftakar il-ftaħir kbir li kien sar meta l-ex Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar l-investiment li suppost kellu jsir permezz tal-Università Amerikana f’Bormla u li fil-fatt m’hi Amerikana xejn. Dan il-proġett kellu jkun investiment kbir u grandjuż u l-Gvern dak iż-żmien kien enfażizza li dan id-deal kien għalqu f’ħames minuti ta’ diskussjonijiet.

Ifisser li dak li qed niddiskutu huwa biex mhux nirranġaw iżda forsi nillimitaw il-ħsara u d-danni li Gvern Laburista għamel lil pajjiżna. L-Oppożizzjoni tul dawn is-snin kienet dejjem iebsa u soda fil-pożizzjoni tagħha kontra l-iżvilupp tal-art f’Zonqor u hekk għadha sal-llum. Il-Gvern għandu jerġa’ jagħti lura l-art pubblika li ttieħdet fl-Isla b’mod partikolari ż-żona ta’ parkeġġ li hemm taħt in-niżla tal-Maċina.

Ma’ din l-art, kienet ittieħdet art oħra f’Bormla propju qabel id-daħla tal-Isla li hija l-uniku spazju miftuħ li hemm f’din in-naħa ta Bormla magħrufa bħala Fuq San Pawl. Jidher li din iż-żona li nserqet min-nies ta’ Bormla se tiġi ritornata lura lilhom u għalhekk dan ifisser biss li l-Gvern Laburista se jkun qed ireġġa’ lura biċċa art li seraq mingħand in-nies ta’ Bormla u tal-Kottonera. M’hemm l-ebda grazzi għal dan għaliex sempliċiment qed trodd lura dak li sraqt lin-nies.

Però jidher ċar li l-parkeġġ ta fejn il-Maċina se jibqa’ mhedded li potenzjalment jiġi żviluppat f’bini minn din l-entità li tul iż-żmien li ilha topera lanqas kellha biżżejjed studenti biex timla l-binja storika mogħtija wkoll lilha li tinsab f’dak li kien il-Baċir numru 1.

Hi appellat lill-Gvern biex anke dan il-parkeġġ ta’ hdejn il-Maċina fl-Isla jintradd lura lin-nies tal-Isla u jibqa’ spazju miftuħ. Kulħadd jaf bl-isfreġju li jsir lid-dehra u lis-swar tal-Isla jekk dan l-ispazju miftuħ jinbena. Ilkoll nafu bil-problema ta’ parkeġġ li hemm fl-Isla. Kulħadd oppona li dan l-ispazju miftuh jingħata mill-Gvern Laburista lil xi entita privata. Il-Kunsill Lokali tal-Isla,k ien ċar fl-oppożizzjoni kontra it-teħid ta’ dan l-ispazju miftuħ. Il-Kunsillieri kollha kellhom il-kuraġġ li jwasslu l-oġġezzjonijiet qawwija tagħhom quddiem l-awtoritajiet inkluż quddiem il-Prim Ministru.

Ir-residenti wkoll organizzaw protesti biex jaraw li din l-art ma titteħidx. Kulħadd semma’ leħnu!

Hi appellat biex flimkien, inkluz id-deputati eletti mit-tieni distrett niddefendu l-art li hija tas-Senglejani u flimkien naħdmu biex in-nies tal-Isla jerġgħu jingħataw l-art li ġiet misruqa mingħandhom.