Edukazzjoni Lokali

Ippubblikat glossarju bilingwali ta’ termini tal-Matematika

Dalgħodu fl-iskola Primarja ta’ Pembroke ġie ppreżentat glossarju li jikkonsisti minn termini tal-Matematika bilingwali. F’konferenza tal-aħbarijiet il-Professur Marie Therese Farrugia qalet li hemm bżonn li jkun hemm konsistenza minn kulleġġ għall-ieħor f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħlim tal-Matematika.

Dan il-glossarju huwa mmirat għall-istudenti tal-kinder u tal-iskola primarja. Interessanti li l-paġni ta’ dan il-ktieb huma maqsumin fi tnejn fejn fuq naħa ssib it-terminu bil-Malti u fuq in-naħa l-oħra hemm t-terminu bl-Ingliż. Barra minn hekk hemm ukoll eżempji sabiex l-istudenti jkunu jafu f’liema kuntest jista’ jintuża dan il-kliem.

Din ir-riżorsa hija maqsuma f’erba’ kategoriji li tinkludi numri, kejl, relazzjonijiet spazjali u forom . Dan il-glossarju għandu jgħin lill-għalliema meta jiġu biex jispjegaw kunċetti u proċessi matematiċi, u biex joħorġu sew it-tifsir speċifiku li jġibu magħhom.