Internazzjonali

Boris Johnson jikkonferma r-riżenja tiegħu

Il-Prim Ministru Brittanniku Boris Johnson ħabbar ir-riżenja tiegħu mit-tmexxija tal-Partit Konservattiv, bil-għan li jibqa’ Prim Ministru caretaker sa Ottubru li ġej.

Dan għamlu permezz ta’ indirizz lin-nazzjon minn 10 Downing Street, fejn Johnson intalaqa’ minn ċapċip mill-istaff tiegħu.

Fid-diskors tiegħu, Johnson irringrazzja lil dawk kollha li vvutaw lill-Partit Konservattiv fl-aħħar elezzjoni ġenerali. U wiegħed li dan il-mandat għandu jitkompla.

“Inħossni kburi”, stqarr Borsi Johnson. Filwaqt illi insista li fil-politika “ħadd mhu indispensabbli”.

Hu qal ukoll li jħoss dieqa kbira hekk kif se jħalli dan ir-rwol li kellu fit-tmexxija tar-Renju Unit.

AKTAR KMIENI

Il-Prim Ministru Boris Johnson se jirriżenja minn Mexxej tal-Partit Konservattiv, iżda se jibqa’ jmexxi l-pajjiż sal-Ħarifa.

Dawn ikkonfermawh sorsi minn Downing Street illi tkellmu mal-BBC kmieni dalgħodu.

Din il-mossa se twassal biex fis-Sajf issir kontestazzjoni għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv Ingliż. Biex sa Ottubru l-pajjiż ikollu Prim Ministru ġdid.

It-terremot għal Boris Johnson beda bil-famuża ‘Partygate’, u riċentament il-pressjoni kompliet tiżdied wara d-deċiżjoni ta’ Johnson li jaħtar lid-deputat Chris Pincher bħala viċi chief whip tat-Tories.

Pincher qed jiffaċċja akkużi ta’ imġieba indiċenti li mhix kompatibbli mal-kariga ta’ deputat, u issa l-Prim Ministru Johnson qed jgħid li hu żbalja bil-kbir meta ħatar lil dan id-deputat – għalkemm stqarr illi ma kienx jaf dwar l-allegazzjonijiet miġjuba kontrih.