Internazzjonali

L-Iran: Lejn bomba nukleari fi kwistjoni ta’ ġimgħat?

Ir-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti qal li l-Iran fundamentalista, issa, għandu biżżejjed uranju biex jipproduċi bomba nukleari fi kwistjoni ta’ ġimgħat.

Rob Malley qal, waqt intervista, li l-komunità internazzjonali għandha tinduna f’każ li l-Iran jilħaq dan it-tragward u li d-dinja, f’sitwazzjoni bħal din, trid tistenna ‘reazzjoni sostanzjali’ min-naħa tal-Istati Uniti.

L-Iran għadu ma kompliex bil-programm għall-produzzjoni tal-armamenti relatati mal-iżvilupp ta’ bombi nukleari.

Madankollu, ir-Rappreżentant Speċjali Amerikan hu mħasseb dwar il-‘progress allarmanti’ tal-Iran fil-ħidma lejn l-irraffinar tal-uranju li kapaċi jkun parti minn bomba għall-qerda tal-massa.

L-Istati Uniti u l-Iran, xi jiem ilu, kellhom rawnd ieħor ta’ taħditiet indiretti dwar il-kwistjoni nukleari.

Dan wara li n-negozjati damu staġnati għal xhur minħabba d-domandi tal-Iran biex l-Istati Uniti tneħħi lill-Gwardja Rivoluzzjonarja (entità armata tal-elit) tal-Iran minn lista sewda ta’ entitajiet li jipprattikaw it-terrur.