Lokali

Tinfetaħ Inkjesta dwar il-mewt ta’ Kolombjana f’pajjiżna wara xarba b’sustanza velenuża fiha

It-tbissima minn fuq fommha qatt ma kienet tneħħiha… iżda ftit li xejn kienet taf dak li kien se jseħħ minn ħarġa sempliċi fi tmiem il-ġimgħa mar-raġel tagħha… ħarġa li fi tmiemha spiċċat f’koma fl-Isptar Mater Dei.

Din hi Sandra Zamudio, magħrufha aħjar ma’ sħabha bħala Sami, Kolombjana li tilfet ħajjitha wara li allegatament xi persuna tefgħatilha sustanza valenuża, suspettata scopolamine, fit-tazza tagħha waqt li kienet f’bar.

Fuq il-post issejħetl-assistenza ta’ tim mediku fejn permezz ta’ ambulanza ħaduha minnufih l-Isptar… iżda sfortunatament, minkejja l-isforzi kollha tagħhom, hi ġiet meqjusa bħala ‘brain dead’. Fid-dawl ta’ dan, il-qraba tagħha ħadu d-deċiżjoni li jitfu l-magni.

Ix-xewqa ta’ Sami dejjem kienet li tagħti b’donazzjoni l-organi tagħha u kien għalhekk li l-qraba tagħha għamlu dan biex isalvaw il-ħajja ta’ persuni oħra.

Il-każ seħħ is-Sibt li għadda, bil-Pulizija fetħet Inkjesta Maġisterjali filwaqt li qed tinvestiga l-mewt taż-żagħżugħa. L-ebda arresti relatati ma’ dan il-każ għadhom ma saru.

Sami kienet ilha tgħix f’pajjiżna flimkien ma’ żewġha għal din l-aħħar sena… bil-mira tagħhom tkun biex ikollhom futur aħjar.

Il-qraba tagħhom fetħu fond biex jiġbru donazzjonijiet sabiex il-ġisem ta’ Sami jiġi trasportat u tindifen f’pajjiżha. Wieħed jista’ jgħin billi jidħol f’dan is-sit.