Lokali

Eks ħaddiema tal-Air Malta għadhom ma jafux x’se jiġri minnhom… għajr għal Stagno Navarra

L-aħbar li l-preżentatur tal-media Laburista Karl Stagno Navarra ngħata impjieg ġdid mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol – l-OHSA, qajmet rabja kbira fost il-ħaddiema li spiċċaw tkeċċew mill-Air Malta.

Minn mistoqsijiet parlamentari li għamel id-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus ħareġ li mill-577 ħaddiema tal-Air Malta li tkeċċew is-sena li għaddiet u li applikaw għall-iskema li offrielhom il-Gvern, tlieta biss kellhom kuntratt definit u ngħataw l-istess kundizzjonijiet tal-impjegati permanenti.

Bis-sit TheShiftNews jirrapporta illi fil-każ ta’ Karl Stagno Navarra, saret eċċezzjoni mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

Skont dan is-sit, Stagno Navarra ma kienx intitolat għal din l-iskema iżda suppost kellu jitkeċċa mill-Air Malta meta spiċċalu l-kuntratt. Iżda minflok, huwa ngħata impjieg mal-OHSA – kif irrapporta dan l-istazzjon numru ta’ gimghat ilu.

Dan filwaqt li iktar minn 500 ħaddiem li kienu jaħdmu mal-Air Malta għadhom ma jafux x’se jiġri mill-futur tagħhom jew inkella qed jingħataw xogħol  b’paga inqas milli kellhom qabel.

Stagno Navarra kien ilu mill-2019 impjegat mal-Air Malta fid-Dipartiment tal-Kommunikazzjoni… bil-Ministru Laburista ta’ dak iż-żmien responsabbli mill-Air Malta, Konrad Mizzi, kien għażel lil Stagno Navarra għal dan l-irwol waqt li baqa’ ta’ kuljum imexxi programm ta’ propaganda politika fuq is-Super One.

Dan l-impjieg kien qajjem kontroversja kbira, inkluż fl-eqqel tal-Covid. Biex issa… Karl Stagno Navarra spiċċa sab post ġdid mal-OHSA… għalkemm ħadd ma jaf x’inhu eżatt xogħolu.