Għaxqi ta’ 42 sena ġie kkundannat erba’ snin ħabs wara li l-Maġistrat Yana Micallef Stafrace sabitu ħati li matul il-lejl tat-8 u d-9 ta’ Ottubru tal-2017 daħal fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina taż-Żejtun u minn hemm seraq żewġ kuruni tal-fidda minn fuq l-istatwa titulari u flus mill-kaxxa tal-għotjiet tal-knisja. Ir-raġel instab ħati li wettaq serqa għad-dannu tal-Knisja u l-Arċipriet Dun Nicholas Pace.
Meta kienet qed tinvestiga l-każ il-Pulizija kellha nformazzjoni li fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Awwissu tal-2003 Carmelo Rosario Dimech seraq apparat tal-Hi Fi, prodotti tat-tabakk u flus kontanti mill-każin tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żejtun.
Huwa nstab ħati wkoll li sar reċediv. Il-fattur li wasslu għall-ħtija tal-akkużat kienet li l-finger prints ta’ idu qablu ma dawk li ġew verifikati fil-każin. Fil-fatt mir-rapport ta’ Dr. Clair Bartolo u Dr Marisa Cassar jirriżulta li l-kampjuni li ittieħdu kienu jaqblu mal-kampjuni genetiżi tal-imputat.
Rigward is-serqa tal-każin tal-PN il-barman xehed li meta biex mar jiftaħ il-każin il-Ħadd filgħodu f’data li ma jiftakarx, għax dan l-inċident seħħ lura fl-2003. Tenna li kien sab kullimkien sgassat u mar mill-ewwel jagħmel rapport l-Għassa tal-Pulizija. Sostna li mill-każin insterqu stereo, sigaretti u flus kif ukoll li sab il-magni sgassati.
Meta li l-pulizija kellmuh fuq il-post, l-ħsara kienet diġa ssewwiet mill-kumitat u li bħala flus kienu nsterqu madwar Lm500 (€1164.69). Il-barman qal lill-Pulizja li kienu daħlu mill-bejt għax sab il-bieb sgassat. Qal li wara l-bar kienu jidħlu biss huwa u l-mara tiegħu. Tenna sab il-kexxun tal-cash register maqlugħ minn postu u l-flus kienu neqsin.
Huwa sab ukoll il-kaxxi tal-logħob li kienu sgassati. Tenna li Dimech kien mar il-każin u kien irrimarka fuq il-bar kif ukoll intqal diskors ieħor soċjevoli. Ix-xhud spjega wkoll l-aċċess għall-bejt mill-każin. Dwar iż-żewġ kuruni tal-fidda Fr qal li s-serqa saret mill-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju u magħhom insterqu xi affarijiet oħra minn xi kaxxi.
Xehed li kienu ċemplulu biex jinfurmawh li kienet saret serqa mill-knisja. Qal li l-valur ta’ dawn il-kuruni kien ta’ madwar €500. Dawn il-kuruni kienu jinżammu f’safe u qal li kienu ġew sgassati il-bibien tal-kampnar. Qal ukoll li kienu nsterqu madwar Lm60 fi flus mill-kaxxi tad-donazzjonijiet.
F’dan il-każ xehed ukoll ir-rettur li jieħu ħsieb l-fratellanza tar-Rużarju, Patrick Piscopo. Tenna li l-Madonna tar-Rużarju kienet armata fil-Knisja taż-Żejtun u huwa għaraf il-kuruni li nsterqu. Qal ukoll li kien hemm il-kaxxa tad-donazzjonijiet sgassata u vojta.
Fil-każ taw ix-xhieda tagħhom l-uffiċjal tal-probation, il-psikologa u l-pulizija li marru fuq dawn iż-żewġ serqiet. Xehdet ukoll il-persuna inkarigata biex tieħu l-kampjun tad-DNA li din ikkonfermat li l-kampjun tad-DNA u dak misjub fuq il-post jaqblu ma’ tal-imputat.
Għalhekk il-qorti sabet lil-akkużat ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, ħlief li għall-akkuża li wettaq ħsara fil-knisja. Il-Qorti rat ukolll il-kondotta tal-imputat u kkundannatu għall-erba’ snin ħabs, li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li huwa għamle taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Saviour Demicoli.
//= $special ?>