Lokali

“Għax il-Gvern tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni spiċċaw vittma l-anzjani u l-ħaddiema” – PN

Wara l-għejbien ta’ anzjan mir-Residenza San Vincenz de Paul u li sallum għadu ma nstabx, u wara inċident ieħor fejn anzjana waqgħet minn tieqa fl-istess residenza, il-Gvern jinsab f’paniku kbir u l-uniku soluzzjoni li ħaseb fiha biex jipprova jsolvi din il-problema f’din ir-residenza hija li jżomm lill-anzjani maqfulin.  It-tmexxija ta’ din ir-Residenza ordnat li ebda anzjan ma jista’ joħroġ mill-kamra jew l-ward tiegħu, juża t-taraġ u l-lifts jekk ma jkunux akkumpanjat minn xi hadd.

Kien dan li ħareġ minn stqarrija miktuba mill-Kelliem għall-Anzjanitá Attiva, Paula Mifsud Bonnici u l-Kelliem għas-settur Marittimu u x-Xogħol, Ivan Castillo f’isem il-Partit Nazzjonalista fejn tkompli tgħid li l-PN iħoss illi dan il-Gvern mhuwiex jittratta l-anzjani b’dinjitá u li l-anzjani kollha f’din ir-Residenza, filwaqt li ħaqqhom ikunu f’post sikur, għandhom ukoll id-dritt li jgħixu  ħajja ta’ kwalita’ tajba f’ambjent san u aċċessibbli.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota ukoll illi din id-direttiva mogħtija mit-tmexxija tar-Residenza San Vinċenz de Paul qed titfa’ piż qawwi fuq l-infermiera li xogħolhom żgur mhuwiex ta’ għassiesa jew gwardjani imma li jagħtu l-aħjar kura lill-anzjani, li sfortunament dan mhux qed ikun possibbli minħabba in-nuqqas kbir ta’ infermiera li jeżisti ġewwa r-residenza.

Għal darb’oħra, jidher li l-appelli li ilhom isiru mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel  kif ukoll mill-Oppożizzjoni qed jaqgħu f’widnejn torox.  In-nuqqas ta’ infermiera f’din ir-Residenza, u li jkollok nurse ma’ 35 pazjent, la hija ta’ prijorita’ għad-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Sahha li ħasel idejh kompletament minn din il-problema u lanqas ma hija priorita’ għall-Ministru għall-Anzjanita’ Attiva li sallum għadu ma għamel xejn dwar din il-kwistjoni għajr li ordna, kif kien fid-dover li jagħmel, l-investigazzjoni indipendenti fil-kaz tal-għejbin ta’ anzjan.

L-anzjani  u l-ħaddiema li jaħdmu fir-Residenza San Vincenz de Paul jixirqilhom ferm u ferm aħjar.