Il-Sindku tal-Qala Pawlu Buttigieg reġa’ jinsab f’kontroversja oħra. Issa anke mċanfar pubblikament minn sħabu l-Kunsillieri tal-Partit Laburista stess.
Kien il-Ħadd li għadda meta l-Viċi Sindku Ivan Cefai u l-Kunsillier tal-Partit Laburista Joseph Buttigieg u l-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista Karl Buttigieg u Valerie Cassar Mejlak, ħarġu stqarrija biex pubblikament jesprimu d-diżappunt tagħhom għat-tmexxija tas-Sindku.
Huma stqarrew li deċiżjonijiet li jaqblu fuqhom il-maġġoranza tal-Kunsillieri Lokali, qatt ma jkunu implimentati, speċjalment jekk is-Sindku ma jkunx jaqbel b’mod personali ma’ dik il-proposta.
Il-kwistjoni nqalgħet għax il-Kunsill Lokali ħa deċiżjoni li l-pjazza tar-raħal, għal ġurnata waħda fil-ġimgħa fis-sajf, issir pedonali għal ftit sigħat u tingħalaq għat-traffiku.
Din id-deċiżjoni kellha tidħol fis-seħħ mis-Sibt li għadda, imma baqa’ ma sar xejn għax is-Sindku deherlu li m’għandux jimplimenta din id-deċiżjoni, għax hu ma jaqbilx magħha għal raġunijiet tiegħu.
Hu sigriet magħruf li s-Sindku li joqgħod f’waħda mit-toroq affettwati u ried li hu jibqa’ jipparka l-vettura tiegħu fil-pjazza tal-Qala, kif jagħmel dejjem, u għal din ir-raġuni ma riedx jagħlaq il-pjazza għat-traffiku s-Sibtijiet filgħaxija.
Dwar din il-proposta kien ittieħed vot fil-Kunsill Lokali tal-Qala li ġiet approvata b’erba’ voti favur u wieħed kontra, li kien dak tas-Sindku Pawlu Buttigieg. Iżda “għalkemm is-Sindku fid-dover li jwettaq dak maqbul mill-maġġoranza tal-Kunsillieri, kemm jekk personalment jaqbel u anke jekk ma jaqbilx”, il-preparamenti biex il-pjazza tingħalaq ma sarux, stqarrew l-erba’ Kunsillieri tal-Qala.
Is-Sindku sfida din id-deċiżjoni li jkun hemm spazju pedonali għall-familji tal-Qala, avolja b’din id-deċiżjoni kien se jitnaqqas il-periklu fil-pjazza u se jkunu attirati iżjed nies lejn iċ-ċentru tar-raħal.
Kienet saret laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-kleru tal-parroċċa u mas-sidien tal-istabbilimenti fil-pjazza, fejn kien sar ftehim biex il-pjazza tingħalaq għat-traffiku s-Sibtijiet filgħaxija mit-2 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Settembru filwaqt li jibqa’ aċċess għar-residenti taz-zona u servizzi ta’ emerġenza.
Kien deċiż ukoll li kellhom jitqabbdu żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta biex jidderiġu t-traffiku, u li f’dawn il-ħinijiet ir-rotta tal-linja tibqa’ tgħaddi minn triq alternattiva.
Il-Kunsillieri tal-Qala stqarrew ukoll li t-tmexxija tal-Kunsill, nhar il-Ġimgħa filgħaxija, lejliet l-għeluq maqbul tal-pjazza, ħarġet avviz fuq il-paġna uffiċjali tal-Kunsill Lokali Qala fil-facebook, fejn ħabbret li l-pjazza se tkun zona pedonali.
Kien imbagħad is-Sibt, 2 ta’ Lulju, dik li kellha tkun l-ewwel ġurnata tal-għeluq tal-pjazza, li l-pjazza baqgħet miftuħa għat-traffiku u għall-karozzi tal-linja u għalhekk inqala’ aktar kaos mis-soltu.
Sidien tar-restoranti li tkellmu ma’ dan l-ġurnal, stqarrew magħna li huma ħadu aktar bookings mis-soltu peress li l-Kunsill ħabbar li l-pjazza se tingħalaq għat-traffiku u se tkun pedonali. Iżda dan ma sarx, u għalhekk ma setgħux jonoraw il-ħinijiet tal-bookings tagħhom, u kellhom ħafna tgergir intortament.
Kienu ħafna dawk li kitbu kontra din l-azzjoni tas-Sindku li biha kompla jagħmel ta’ rasu u jinjora għalkollox deċiżjoni approvata tal-Kunsill. Meta Kunsillieri pprovaw jagħmlu kuntatt miegħu s-Sibt filgħaxija biex jistaqsuh x’kien ġara, dan injora wkoll dawn it-telefonati.
Fost il-kummenti dwar dak li ġara, kien hemm kummenti ta’ partitarji Laburisti, fejn stqarrew li dak li għamel is-Sindku hu għajb għall-Partit tagħhom.
Talbu lill-Partit Laburista u lill-Kunsillieri tiegħu biex jassiguraw li jkun hemm Sindku serju jmexxi l-Kunsill Lokali tal-Qala. Wieħed minn dawk li kkummentaw stqarr ukoll li bħalissa l-Kunsill qed jitmexxa b’mod dittatorjali u oħrajn iddeskrivew lis-Sindku bħala inkompetenti.
Oħrajn talbu lill-Kunsillieri biex isejħu vot ta’ sfiduċja fis-Sindku, għax il-Kunsill ma jistax jaħdem b’dan il-mod u mhux jiffunzjona. Persuna oħra li kkummentat fuq dak li ġara, kien l-Eks Kunsillier Laburista tal-Qala Jesmond Borg, fejn stqarr li din mhux l-ewwel darba li s-Sindku għamel hekk u li għandu jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li ġara, għax is-Sindku kiser il-Liġi tal-Kunsilli Lokali.
Kienu ħafna dawk r-residenti Qalin li wrew id-dispjaċir għal dak li ġara, fejn uħud li għamlu kuntatt ma’ dan il-ġurnal u qalu li s-Sibt li għadda marru l-pjazza mal-familja biex jieklu f’wieħed mir-restoranti tal-pjazza għax din kellha tkun zona pedonali, b’moħħhom mistrieħ li t-tfal tagħhom se jkollhom fejn joqogħdu jilagħbu mingħajr periklu, iżda l-karozzi tal-linja u t-traffiku baqa’ għaddej minn ħdejn il-mejda tal-ikel tagħhom.
Wara dak li ġara, l-erba’ Kunsillieri tal-Qala talbu lis-Sindku biex jaċċetta r-rieda tal-maġġoranza tal-Kunsillieri, biex din id-deċiżjoni tkun implimentata nhar is-Sibt li ġej 9 ta’ Lulju u fis-Sibtijiet sussegwenti sal-aħħar tas-sajf, fejn il-pjazza għandha tkun magħluqa għat-traffiku u tkun żona pedonali.
Huma stqarrew li b’hekk verament il-maġġoranza fil-Kunsill Lokali tal-Qala li tirrappreżenta l-maġġoranza tal-poplu tal-Qala, tkun rispettata.
//= $special ?>