Il-Qorti Kriminali laqgħet talba għal pleġġ li tressqet f’isem raġel li kien akkużat, ix-xahar li għadda, b’rabta ma’ sensiela ta’ serqiet minn kappelli. Il-ħaddiem tal-kostruzzjoni Philip Agius ta’ 38 sena kien tressaq il-Qorti tard ix-xahar li għadda fuq akkużi ta’ serq aggravat u attentat ta’ serq mill-kappelli f’Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi, li fihom insteraq kalċi, flimkien ma’ flus kontanti.
Agius kien ġie arrestat waqt operazzjoni konġunta li kienet tinvolvi l-Major Crimes Unit u l-pulizija tad-distrett ta’ Ħal Qormi, b’rabta ma’ serq ta’ oġġetti mis-Santwarju tal-Qalb ta’ Ġesù, f’ Ħaż-Żebbuġ (ritratt) u mill-Kappella ta’ San Ġwann Battista fis-Siġġiewi.
Meta tressaq il-Qorti, l-Pulizija qalet li Agius, li qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi, wara rritorna huwa stess lura l-oġġetti misruqa, ħass rimors għal għemilu. Ir-raġel, li għandu problema tad-droga, ma rritornax il-flus misruqa, peress li kien nefaqhom fuq narkotiċi.
L-avukat tiegħu, Jason Grima, kien ressaq talba għall-ħelsien mill-arrest fil-Qorti Kriminali, hekk kif Agius kien inżamm taħt arrest preventiv. F’digriet li ngħata, l-Imħallef Aaron Bugeja, laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest, fid-dawl tal-fatt l-istadju li seħħew il-proċeduri kontra Agius, kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-każ.
Agius ingħata l-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €8,000. L-Imħallef poġġa wkoll lir-raġel taħt curfew, u impona ordni ta’ superviżjoni proviżorja fid-dawl tal-problemi ta’ Agius bil-vizzju tad-droga.
//= $special ?>