L-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul kienu ordanti ma joħorġux mill-kmamar tagħhom u lanqas imorru għal mixja jew jattendu għall-quddies jekk ma jkunux akkumpanjati minn xi ħadd. Liema ordnijiet imsejħa ‘inumani’ kienu imwaqqfa immedjatament mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel.
Dawn il-miżuri ġodda kienu intenzjonati li jżidu s-sigurtà wara li ftit tal-jiem ilu Karmenu Fino ta’ 83 ħarab minn din ir-residenza … u sal-lum għadu ma nstabx. Apparti dan, kien hemm ukoll każ ieħor fejn anzjana waqgħet minn tieqa fl-istess residenza – liema każ qed ikun ikkunsidrat bħala attentat ta’ suwiċidju.
Dawn iż-żewġ każijiet separata qajmu rabja kbira fost il-qraba ta’ anzjani li jgħixi f’din id-dar, hekk kif b’dak li seħħ m’għandhom l-ebda serħann il-moħħ li l-maħbubin tagħhom qed jgħixu f’post sigur.
Issa…permezz ta’ memo li ntbagħat lill-membri tal-istaff ta’ San Vincenz de Paul, it-tmexxija ta’ din ir-residenza qalet li sabiex tiżdied is-sigurta, l-anzjani ma kellhomx permess li joħorġu barra jekk ma jkunux akkumpanjati minn xi ħadd. Apparti dan, il-bibien tal-kmamar kellhom jinżammu magħluqin, bit-taraġ u l-lifts inaċċessibbli għar-residenti.
Mhux eskluż li dawn ir-restrizzjonijiet ingħataw fuq ordni diretta tal-Ministeru għall-Anzjanita Attiva.
It-tmexxija ta’ din ir-residenza avżat lill-ħaddiema li jekk iseħħ xi inċidnet minħabba negliġenza minn naħa tagħhom, kienu se jittieħdu azzjonijiet dixxiplinarji fil-konfront tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan kollu, l-MUMN avżat lill-membri tagħha sabiex jinjoraw dawn id-direttivi l-ġodda.
Il-President tal-MUMN Paul Pace spjega ma’ Net News li dawn id-direttivi kienu se jwasslu għal sitwazzjoni fejn litteralment dawn l-anzjani kienu se jispiċċaw imsakkrin fil-kmamar tagħhom qishom qegħdin f’ħabs.
Paul Pace qal li huwa inaċċettabbli li n-nurses jieħdu l-ħtija tan-nuqqasijiet kollha li qed iseħħu f’din ir-residenza… u wisq aktar huwa inaċċettabbli li l-pazjenti jbatu l-konsegwenzi huma.