Il-Partit Nazzjonalista jrid li s-soċjetà ta’ għada, partikolament fejn jidħlu interventi mediċi, tkun soċjetà aħjar minn tal-lum. Hekk stqarr id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri f’intervista li kellu ma’ Net News.
“Aħna vvutajna iva għaliex l-ewwel nett ressaqna l-emendi tagħna stess li ġew aċċettati u nemmnu fihom aħna l-emendi. Xtaqna għamilna aħjar imma aħna m’għandniex il-maġġoranza li għandu l-Gvern biex ngħaddu kull liġi romblu jew ngħaddu kull liġi kif irriduha. Però aħna sodisatti li għamilna dak kollu stajna biex is-soċjetà ta’ għada fejn jidħlu dawn il-proċessi fejn jidħol dan l-intervent mediku tkun soċjetà aħjar milli setgħet tkun bil-liġi li ppreżenta l-Gvern qabel fuq il-mejda tal-kamra.“
F’nofs din il-ġimgħa, il-liġi tal-IVF bl-emendi l-ġodda li saru għaddiet b’66 vot favur u 3 voti kontra.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri qal li wara l-emendi li tressqu min-naħa tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista għamel konsultazzjoni wiesgħa kemm ma’ professjonisti kif ukoll ma’ familji u persuni li jixtiequ li jkollhom it-tfal bl-IVF – u ressaq l-emendi tiegħu għal din il-liġi.
“Iffurmajna emendi li ħassejna li se jkunu bżonnjużi sabiex din il-liġi tkun aħjar f’sens li kemm tilqa’ x-xewqat ta’ dawk li jridu jsiru ġenituri kif ukoll tibqa’ tipproteġi l-ħajja umana sa mill-bidu… l-embrijun.”
Il-Partit Nazzjonalsita enfasizza li f’din il-liġi l-ġdida jkun hemm l-embryo protection act… liġi ta’ prinċipju li tkompli tħares il-ħajja sa mill-bidu. Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni ressqet emendi; li l-Gvern aċċetta fi stadju ta’ kumitat.
Stephen Spiteri qal li l-Oppożizzjoni ħasset li l-protokoll li jirregola d-diversi proċessi tal-IVF għandu jkun marbut ma’ avviż legali
“Avviż legali ħalli kull darba li jkun hemm xi forma ta’ tibdil mill-awtorità, żieda jew tnaqqis fil-lista ta’ kundizzjonijiet li huma abbonati ma’ testijiet ġenetiċi, jekk l-awtorità tbiddel jew iżżid xi proċessi oħra. Hemm bżonn li dawn l-affarijiet ikunu skrutinizzati ġewwa l-Parlament permezz ta’ avviż legali li ma kienx qiegħed imniżżel fl-ewwel abbozz ta’ liġi .. u dan il-Gvern aċċetta wkoll u aċċettajnih b’mod unanimu fil-Kumitat tal-Abbozzi u b’hekk għandna liġi llum li tirregola l-proċessi tal-IVF bi protokoll li hu taħt avviż legali kull darba li jiġi mibdul.“
L-Oppożizzjoni ressqet ukoll l-emenda biex il-polar body testing, l-ittestjar li jaqbad tmienja u nofs minn disa’ kundizzjonijiet li hemm imniżżla fil-protokoll b’suċċess ta’ 90%, isir parti mill-liġi… kif jispjega aħjar il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri.
“Aħna daħħalna fil-liġi dan l-ittestjar ta’ Polar Body Testing li jiġi addottat anke bħala wieħed mill-proċessi prinċipali meta jkun possibbli biex tilħaq dijanjosi u fejn il-ġenituri jixitiequ li jkun hemm dan l-ittestjar partikolari għall-vantaġġi li hu għandu.”
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk assigura li permezz tal-emendi li ressaq jkun hemm il-protezzjoni tal-bidu tal-ħajja umana u jsir l-ittestjar kollu neċessarju.
“Rajna kif nistgħu ntejbu l-liġi minn dak li ressaq il-Gvern u iva għamilna sitwazzjoni fejn se jkollna anqas diffikultajiet fl-iffriżar tal-embrijuni li mhux tajbin biex jiġu implanted jew biex ikomplu l-proċess.“
//= $special ?>