Internazzjonali

L-Ukrajna: Putin jisfida lill-Punent biex jikkonfronta lit-truppi tiegħu fuq il-kamp tal-battalja

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, qed jinsisti li l-kampanja militari tal-qawwiet tiegħu fl-Ukrajna bilkemm għadha bdiet waqt li sfida lill-Punent biex jikkonfronta lit-truppi ta’ Moska fuq il-kampijiet tal-battalja.

Putin, waqt laqgħa li kellu mal-kapijiet tal-Parlament Russu, qal li l-prospetti għal kwalunkwe negozjati bejn Moska u l-Punent qegħdin jonqsu aktar ma jdum għaddej il-konflitt tal-Ukrajna. Hu sostna li għalkemm ir-Russja mhix tiċħad għal taħditiet ta’ paċi, il-Punent għandu jkun jaf li aktar ma jdum il-ġlied fl-Ukrajna aktar isiru diffiċli n-negozjati bejn in-naħat interessati.

Il-President Russu – li qatt ma rrefera għall-invażjoni tal-Ukrajna bħala gwerra –-  akkuża lill-pajjiżi tal-Punent, alleati ta’ Kiev, li qed jixprunaw arja ta’ ostilità f’sitwazzjoni delikata. Hu anki akkuża lill-Punent ‘li qed iġiegħel lill-Ukrajna tirreżisti (l-invażjoni tal-artijiet tagħha mir-Russi) sal-aħħar raġel’ u qal li l-istrateġija ‘ikollha biss konsegwenzi traġiċi għall-Ukreni’.

Hawnhekk, Putin ħareġ l-isfida diretta ‘biex il-Punent – jekk irid – jipprova jegħleb lill-qawwiet tal-Kremlin waqt battalji diretti kontra xulxin.’ Hu, fl-istess ħin, ikkundanna l-allegat ‘liberaliżmu totalitarju’, li, skont hu, il-Punent qed jipprova jimponi fuq id-dinja – filwaqt li akkuża wkoll lill-Punent li qed juża l-konflitt fl-Ukrajna biex jipprova jiżola u jdgħajjef lir-Russja.

Intant, il-President Russu qal li s-sanzjonijiet tal-Punent fuq ir-Russja ‘fallew fl-intenzjoni li jiżirgħu l-inkwiet u l-firda qalb is-soċjetà Russa’. Madankollu, Putin ammetta li s-sanzjonijiet qed joħolqu d-diffikultajiet għal pajjiżu ‘għalkemm mhux fuq il-livell li xtaqu l-għedewwa tar-Russja’.