L-Eks Ministru tas-Saħħa Jeremy Hunt qed jikkunsidra li jikkuntesta għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv fil-Gvern minflok Boris Johnson, il-Prim Minitru Britanniku li, nhar il-Ħamis, irriżenja minn Kap tat-Tories bl-aktar mod drammatiku.
Filwaqt li l-Ministru tad-Difiża Ben Wallace u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Liz Truss huma fost il-favoriti nett biex jieħdu t-tmexxija tal-Partit, jidher li Hunt qed jattira appoġġ konsiderevoli fost il-kollegi tat-Tories.
Kandidati oħra kkonfermati f’din it-tellieqa missielta huma d-deputat Tom Tugendhat u l-Avukat Ġenerali Suella Braverman.
Dan meta Boris Johnson – li kellu jitlaq minn Kap tal-Partit fil-Gvern wara protesta dwar it-tmexxija tiegħu fost il-membri tal-Kabinett – se jkompli bħala Prim Ministru tar-Renju Unit sakemm il-partit jagħżel is-suċċessur tiegħu.
Kollox qed jindika li Johnson, għalissa, se jkompli jmexxi pajjiżu anki jekk l-Oppożizzjoni Laburista u xi deputati Konservattivi jridu li jitlaq ‘issa’.
Hu, intant, ħatar il-membri ġodda għall-Kabinett minflok il-Ministri li rriżenjaw bi protesta għat-tmexxija tiegħu. Madankollu, huma mhumiex mistennija jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi sinifikanti sakemm ikun ikkonfermat il-Kap ġdid tat-Tories – u li effettivament ikun qed jaġixxi wkoll bħala Prim Ministru.
Proprju l-ġimgħa d-dieħla għandu jkun konfermat programm għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv u meta mistenni li l-Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit jilħaq jibda l-mandat tiegħu sa Settembru.
//= $special ?>

