Lokali Qorti

Sitt snin u disa’ xhur ħabs wara li ffrodat 36 stabbiliment

Mara ta’ 42 sena, magħrufa sew mal-Pulizija fuq reati ta’ frodi nstabet ħatja li ffrodat 36 stabbiliment fejn flimkien ġew migduma eluf ra’ ewro. Hija ġiet ikkundannata sitt snin u disa’ xhur ħabs wara li nstabet ħatja mill-Maġistrat Mars-Ann Farrugia fuq reati li seħħew f’Mejju tal-2008. Il-frodi seħħ permezz ta’ ċekkijiet misruqa u li bihom hija kienet tmur tixtri l-affarijiet minn diversi ħwienet.

Alexia Cross kienet qed tiġi mixlija li waħedha ffrodat b’dawn iċ-ċekkijiet misruqa minn 16-il stabbiliment differenti u ma’ mara oħra, użat dawn iċ-ċekkijiet misruqa sabiex tixtri minn 22 stabbiliment oħra, total ta’ 38 stabbiliment. Il-Qorti iżda lliberata minn żewġ akkużi ta’ frodi għad-dannu ta’ żewġ kumpaniji.

Ovvjament mill-provi ħareġ li l-banek irrifjutaw li jsarrfu dawn iċ-ċekkijiet misruqa, għax kien hemm ‘stop payment’ fuqhom. Cross instabet ħatja wkoll li saret reċediva wara li kienet instabet ħatja ta’ reati simili li kienu ilhom li bdew sa mill-bidu tas-snin 2000.

Fost każijiet li kellha hija kienet tiffroda ħwienet u anke kumpaniji li jikru l-karozzi, supermarkets, ħwienet tal-laħam, tal-white goods u ħemel ta’ ħwienet oħra. Fuq dawn ir-reati li jmorru lura 13-il sena, minbarra li nstabet ukoll ħatja li kisret diversi sentenzi mill-Qorti li kemm il-darba tawha ċans biex tirriforma ruħha, fejn instabet ħatja li ffrodat kemm ammonti żgħar bħal €30 u anke ammonti ta’ mijiet ta’ ewro. Każ minnhom hija ffrodat mal- €2,000 lil ħanut tal-computers li jinsab Birkirkara.

Ir-reati seħħew f’diversi lokalitajiet f’Malta, li jinkludu wkoll spiżeriji bil-prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent Robert Vella u Anne Marie Xuereb jixluha b’xejn anqas minn 65 akkuża. Ir-reati mhux dejjem kienu jsiru minn Cross waħedha imma kien hemm diversi okkażjonijiet li kienet tkun akkumpanjata minn persuna jew persuni oħra.

L-investigazzjoni tal-Pulizija fuq dawn ir-reati kienet bdiet f’Mejju tal-2008 stess fuq rapport li persuni kienu qeghdin imorru f’diversi stabbilimenti u jixtru diversi oġġetti permezz ta’ ċekkijiet misruqa. Fil-fatt irriżulta li kien qed isir użu minn tliet ‘cheque books’ misruqa, tnejn minnhom maħruġa fuq il-kont bankarju tal-BOV p.l.c. u ‘cheque book’ maħruġ fuq kont bankarju tal-HSBC.

Mill-investigazzjoni tal-pulizija irriżulta li dawn iċ-ċekkijiet kienu qed jiġu użati minn erba’ persuni, fosthom Brooks Lia li dak iż-zmien kien il-partner tagħha, oht Brooks Lia, Gina Lia, u l-partner tagħha Clive Micallef, fejn kienu wkoll ittieħdu
proċeduri kriminali kontra tagħhom quddiem Qorti oħra.

Brooks Lia u Gina Lia kienu ammettew għall-imputazzjonijiet miġjuba kontrihom u ingħatat sentenza fil-konfront tagħhom li ma ġietx appellata. Sussegwentement Clive Micallef ammetta wkoll għall-impuzzjonijiet u nghatat sentenza fil-konfront tiegħu, li wkoll ma ġietx appellata.

Stqarrijiet jitneħħew mill-provi

Fin-nota ta’ sottomissjonijiet tagħha, id-difiża ta’ Cross talbet li ż-żewġ stqarrijiet tagħha jiġu sfilzati, u dan peress li l-ġurisprenza stabbiliet illi l-istqarrija meħuda fl-assenza tal-avukat difensur tal-persuna investigata, anke waqt l-istadju tal-investigazzjoni u waqt it-teħid tal-istess stqarrija hija nfisha tkun ittieħdet bi ksur tad-drittijiet fundamentali ghal smiegħ xieraq.

L-imputata irrilaxxat l-istqarrijiet tagħha fil-5 ta’ Gunju 2008 u fis-6 ta’ Gunju 2008, u dak iż-żmien il-liġi Maltija ma kienitx tippermetti li suspettat ikollu d-dritt li jikkonsulta avukat qabel l-interrogatorju, u dan konformi mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, deċiża fit-12 ta’ Jannar 2016 fl-ismijiet Mario Borg vs Malta.

Il-Qorti qablet u qalet li se tiskarta mhux biss iż-żewg stqarrijiet rilaxxati mill-imputata, kif mitlub mid-difiża, iżda wkoll kull riferenza għalihom u għal kontenut tagħhom li għamlu l-uffiċjali prosekuturi waqt ix-xhieda tagħhom. Fuq dan il-każ Gina Lia xehdet kif f’Mejju 2008, ħuha Brooks Lia kien se jgħaddi guri u kellu bżonn il-flus biex iħallas lill-avukat.

Qalet li flimkien mal-persuni l-oħra, inkluż Alexia Cross kienu ftehmu li jakkwistaw ċekkijiet, jixtru l-affarijiet bihom u mbagħad dawn ibiegħhom u bil-flus li jakkwistaw iħallsu lill-avukat. Lia kompliet tgħid li l-ewwel ‘cheque book’ serquh
hi u Clive Micallef mingħand Spot On Gypsum Ltd. Wara marru hi u ħuha Brooks Lia fi stabbiliment tal-merċa Buġibba u sarrfu ċekk minnhom, u jekk kien hemm ċekkijiet oħra qattgħuhom.

Imbagħad iddeċidew li jġibu ‘chequebook’ ieħor u saħqet li kienu Brooks Lia, Clive Micallef u l-imputata Cross li ġabu ‘chequebook’ ieħor minghand l-Spot on Gypsum Ltd. Brooks Lia xehed kif hu, Clive Micallef u Cross marru għand l-Spot On Gypsum Limited. L-imputata baqgħet fil-karozza, u hu u Clive Micallef daħlu fl-istabbilment.

Filwaqt li Clive Micallef talab stima lis-salesman għal xi xogħol tal-gypsum, Brooks Lia seraq ktieb li mingħalih kien ‘chequebook’ u li kien fuq il-mejda tal-uffiċċju. Jgħid ukoll li meta mar juri dan iċ-‘chequebook’ lill-imputata li kienet fil-karozza, din qaltlu li dak ma kienx ‘chequebook’ iżda ‘deposit book’. Ghalhekk hu rega’ daħal dak il-ħin stess fl-istabbiliment biex seraq iċ-‘chequebook’.

Jingħata parir biex ma jużax ċekkijiet għax kien se jgħaddi ġuri

Brooks Lia qal li peress li l-ġuri tiegħu kien vicin, oħtu Gina Lia u l-imputata tawh parir biex ma jużax iċċcekkijiet hu, iżda jużawhom huma, biex ma jirriskjax li jinfetħu proċeduri kriminali kontrih. Hu kien iwassalhom bil-karozza tiegħu fi stabbilimenti differenti fejn kienu jixtru l-affarijiet b’dan ic-‘chequebook’.

Gina Lia xehdet li ġieli kienu jixtru mill-istabbilimenti hi u l-imputata flimkien, ġieli kienet tmur tixtri hi waħedha, ġieli l-imputata waħedha, ġieli Clive Micallef waħdu, u ma kinitx ċerta jekk ħuha Brooks Lia kienx mar jixtri waħdu ukoll. Gina Lia xehdet illi meta kienet tmur tixtri waħedha kienet hi li tiffirma ċ-ċekkijiet, pero meta kienet tkun ma’ Cross kienet
tkun l-imputata stess li tiffirmahom.

Gina Lia qalet ukoll li l-affariijiet li kienu jixtru kienu jbiegħuhom lil terzi persuni. Jesmond Abela u Domenic Abela, diretturi tas-soċjetà Spot On Gypsum Ltd., u Charlton Bugeja skrivan tal-istess kumpanija, xehdu kif insterqilhom ‘chequebook’ tal-kumpanija maħruġ mill-BOV Bank plc, u talbu lill-istess bank jaghmel ‘stop-payment’ fuq il-kont bankarju tagħhom.

F’dawn il-proċeduri xehed ukoll Dennis Ebejer li fil-15 ta’ Mejju 2008 kien jiġġestixxi l-ħanut Contemp Interiors B’Kara, flimkien ma martu Maria Elena Ebejer Ciantar. Hu xehed li l-imputata – li għaraf fl-awla kienet marret il-ħanut tiegħu u talbietu xi affarijiet minn fuq xi xkafef u mill-istore.

Hija telqet minghajr ma xtrat xejn, u sussegwentement induna li kellu chequebook nieqes. Dan ic-‘chequebook’ kien fuq ismu u fuq martu, maħruġ mill-HSBC Bank Ltd, u huwa talab stop payment fuq iċ-ċekk. Il-prosekuzzjoni ressqet diversi xhieda ta’ stabbilimenti, kemm sidien kif ukoll ħaddiema li fil-maġġoranza tagħhom qalu kif kienu ġew iffrodati b’xiri minn kotba taċ-ċekkijiet.

Deċiżjoni fuq il-piena

Il-Qorti qalet li l-piena tat-tieni akkuża dik ta’ falsifikazzjoni kontinwata ta’ dokumenti, li hija waħda miż-żewg pieni l-iżjed għolja, flimkien mal-pieni tal-ewwel akkuża dik ta’ riċettazzjoni u tal-akkuża ta’ użu kontinwat ta’ dokumenti foloz, jwasslu għal piena massima ta’ disa’ snin u sitt xhur priġunerija.

Apparti l-piena karċerarja li għandha tiġi fis-seħħ għar-reati kommessi mill-imputata, il-Qorti qalet li hija tal-opinjoni li t-tliet sentenzi sospiżi għandhom jiġu fis-sehh, u li l-imputata għandha tiġi trattata wkoll talli kisret ordni ta’ liberazzjoni kundizzjonata.

Pero mix-xhieda ta’ Franklin Calleja, Assistent Registratur tal-Qrati Kriminali, u s-sentenzi minnu eżebiti, jirriżulta li b’sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali tal-15 ta’ Lulju 2013, irrendiet operattiva s-sentenza sospiża tat-2 t’Ottubru 2007, u ż-żewġ sentenzi sospiżi l-oħra dik tal-31 t’Ottubru 2007 u dik tas-6 ta’ Diċembru 2007 ġew estizi b’sentejn.

Mix-xhieda tal-Assistent Registratur jirriżulta li l-ebda Qorti ma rrendiet operattivi dawn l-aħħar żewġ sentenzi sospiżi. Il-Qorti studjat ukoll diversi sentenzi mogħtija lil Cross, anke mill-Qorti tal-Appell Kriminali fuq għadd ta’ każijiet oħra. Il-Qorti qalet li kienet qed tikkundanna lill-imputata fuq ir-reati li hija semgħet għall-piena karċerarja ta’ erba’ snin

Il-Qorti iżda astjenit milli tittratta mal-hatja talli kkommettiet r-reati li tagħhom instabet hatja b’sentenza fil-perjodu operattiv ta’ waħda sospiza moghtija minn Qorti oħra, kif ukoll astjenit milli tittratta ma’ Cross talli ikkommettiet r-reati li tagħhom instabet ħatja fil-perjodu operattiv ta’ ordni ta’ probation mogħtija wkoll minn Qorti oħra.

Finalment ordnat li l-piena ta’ sentejn priġunerija sospiżi ghal tliet snin mogħtija mill-Qorti tal-Magistrati (Malta) fil-31 t’Ottubru 2007 għandha tidħol fis-seħħ. L-istess fil-każ tal-piena ta’ disa’ xhur priġunerija sospiżi għal sentejn mogħtija
mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta) fis-6 ta’ Diċembru 2007 tidħol ukoll fis-seħħ. Għaldaqstant il-ħatja għandha tiskonta perjodu globali ta’ sitt snin u disa’ xhur ħabs. Cross kienet investigata mis-Supretendent Robert Vella u l-Ispettur Anne Marie Xuereb.