Internazzjonali

Spanja: Jirranka l-festival tradizzjonali ta’ San Fermin f’Pamplona

Il-Festival ta’ San Fermin – karatterizzat mit-tiġrijiet mal-barrin qalb it-toroq dojoq – qed jerġa’ isir wara assenza ta’ sentejn dovuta għall-pandemija tal-Covid-19. 

It-tlielaq tradizzjonali, għaldaqstant, irritornaw, fost il-briju u l-eċitament tal-parteċipanti, f’Pamplona, il-kapitali tal-provinċja ta’ Navarra.

Il-‘Fiesta de San Fermin’ – li ddum għal-ġimgħa (bejn is-6 u l-14 ta’ Lulju) – saret famuża f’għajnejn id-dinja grazzi għall-ktieb ‘The Sun Also Rises’, tal-awtur Amerikan Ernest Hemingway, li jirriproduċi l-ispirtu u l-ispettaklu tal-avveniment. 

L-esperjenza magħrufa bħala ‘running with the bulls’ dejjem attirat lil eluf ta’ turisti li riedu jkunu parti minn dik l-esperjenza unika – bl-ispettaklu attwali mistenni jirranka fil-jiem li ġejjin.

Il-Festival hu dedikat lill-qaddis patrun San Fermin, li kien ukoll l-ewwel Isqof ta’ Navarra. Intant – u l-istess bħal fis-snin preċedenti – id-dilettanti u parteċipanti minn madwar id-dinja qegħdin jiġru, flimkien mal-barrin, minn rotta speċifika ‘u perikoluża’ tal-kwartier antik ta’ Pamplona sakemm il-barrin jidħlu kollha fl-arena ewlenija tal-belt, fost il-programm ta’ attivitajiet għall-jum partikulari.