Statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), fil-Jum Dinji tal-Popolazzjoni 2022, wriet kif il-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex żdiedet bi kważi 100,000 persuna f’inqas minn 10 snin. Dan meta l-popolazzjoni bejn l-2012 u l-2021, telgħet minn 422,509 għal 520,971 u b’hekk pajjiżna ra żieda totali ta’ 98,462. Din l-istatistika tal-NSO tfisser li fl-2021, il-gżejjer Maltin irreġistraw l-ogħla numri ta’ popolazzjoni fl-istorja.
Interessanti l-fatt li fl-aħħar sena, f’pajjiżna twieldu 4,395 persuna, filwaqt li mietu 4,163. Din ifisser li ż-żieda naturali fil-popolazzjoni, kienet ta’ 232 u għalhekk, l-inqas żieda naturali fl-aħħar 10 snin. Dan filwaqt li l-ikbar żieda ta’ dan it-tip, kienet reġistrata fl-2016 meta d-differenza bejn twelid u mwiet kienet ta’ 1,134. Madanakollu, Malta għandha l-inqas rata ta’ fertilità fl-Unjoni Ewropeja.
Id-data tal-NSO, turi kif fl-2021, minn barra minn xtutna, daħlu 18,148 persuna filwaqt li telqu minn Malta 13,509. Dan ifisser żieda ta’ 4,639 fl-2021, żieda mis-sena ta’ qabel iżda ferm inqas miċ-ċifra reġistrata fl-2019 fejn il-persuni li ġew jgħixu f’pajjiżna kienu 20,343 iktar minn dawk li telqu.
Bejn l-2009 u l-2021, in-numru ta’ ħaddiema barranin f’Malta u f’Għawdex tela’ minn 9,500 għal kważi 80,000. Dan filwaqt li issa li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna qabżet in-nofs miljun, l-ammont ta’ barranin jgħixu fuq il-gżejjer jammonta għal 20 fil-mija ta’ din iċ-ċifra u għalhekk issa qabeż il-100,000.
//= $special ?>