Lokali

L-Uffiċju Meterjoloġiku ta’ Malta jiċċelebra 100 sena mit-twaqqif tiegħu

Nhar il-Ħadd, l-Uffiċċju Meteoroloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ser jiċċelebra 100 sena minn meta twaqqaf sabiex jipprovdi servizzi tat-temp għall-gżejjer Maltin.

Matul dawn il-100 sena, l-Uffiċċju Meteoroloġiku ta s-servizzi tiegħu minn erba’ postijiet differenti. L-ewwel uffiċċju kien jinsab il-Pietà, minn fejn opera għal ħames snin qabel mexa fil-Kavallier ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Hawnhekk, waqt il-gwerra, it-tbassir tat-temp kien isir minn uffiċċju taħt l-art. L-uffiċċju mbagħad mexa għat-tieni darba fl-1946, sabiex ikun eqreb lejn iċ-Ċentru tal-Informazzjoni dwar it-Titjiriet u s-servizzi ta’ kontroll tat-traffiku bl-ajru fl-ajruport ta’ Ħal Luqa, biex b’hekk seta’ jipprovdi servizzi marbutin mat-temp lill-industrija tal-avjazzjoni ċivili.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku issa ilu jopera mill-binja tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sa mill-2002, minn fejn jipprovdi s-servizzi tiegħu lil industriji differenti, kif ukoll lill-pubbliku permezz tas-sit elettroniku tal-ajruport. Investiment kontinwu, partikolarment f’dawn l-aħħar 20 sena, f’tagħmir modern, stazzjonijiet tat-temp awtomatizzati, mudelli tat-temp u sistema ta’ radar, ippermettew lill-Uffiċċju Meteoroloġiku jwessa’ u jtejjeb is-servizzi tiegħu matul iż-żmien.

Dan it-titjib jinkludi l-introduzzjoni ta’ tbassir għal tlitt ijiem għall-baħħara wara li t-tim ingħata taħriġ apposta, kif ukoll l-estensjoni tat-tbassir tat-temp minn ħamest ijiem għal dak kif nafuh illum ta’ sebat ijiem fl-2016. It-tbassir tat-temp għal sebat ijiem illum il-ġurnata huwa wieħed mill-aktar tliet paġni popolari fuq is-sit elettroniku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u fl-2021 biss ġie aċċessat aktar minn erba’ miljun darba.

“Fi żmien fejn l-informazzjoni skorretta jew mhix verifikata hija aċċessibbli tassew faċilment fl-isfera diġitali, waħda mill-akbar sfidi tagħna hija li t-tbassir u t-twissijiet uffiċjali tal-Uffiċċju Meteoroloġiku, li jinħarġu sabiex jinfurmaw u mhux jallarmaw lill-pubbliku, ikomplu jaslu għand in-nies. Nixtieq nirringrazzja lit-tim preżenti tal-ħidma tagħhom sabiex dan ikun possibbli, kif ukoll lil kull min ifforma parti mill-Uffiċċju Meteoroloġiku matul is-snin u kkontribwixxa għall-evoluzzjoni tiegħu,” qal il-Kap tal-Operat u l-Kontinwità tan-Negozju fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali l-Inġinier Martin Dalmas.

Filwaqt li t-teknoloġija u l-istrumenti tat-temp għamlu avvanzi kbar, it-tim tal-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu rwol importanti sabiex jiżgura li t-tbassir li jinħareġ ikun tajjeb, li t-twissijiet tat-temp joħorġu fil-waqt u li t-talbiet għal informazzjoni li jaslu mingħand diversi entitajiet u riċerkaturi jitwieġbu.

It-tim huwa kompost minn numru ta’ bassara, osservaturi u amministraturi. Membru mit-tim hija responsabbli mill-ġestjoni tal-arkivji tal-uffiċċju, li jinkludu mapep sinottiċi mpinġijin bl-idejn, li qabel kienu jipprovdu l-bażi għat-tbassir tat-temp, u għadd ta’ reġistri b’osservazzjonijiet tat-temp ta’ kuljum. L-ewwel entrata f’dawn ir-reġistri tmur lura għall-10 ta’ Lulju 1922, fejn minn osservazzjoni li kienet saret fis-sebgħa ta’ filgħodu jidher li t-temperatura dak il-ħin 100 sena ilu kienet 27.3°C, il-viżibbiltà kienet tajba u riħ forza 2 kien qed jonfoħ mill-Punent Majjistru.

Tags