Artiklu: Stewart Said
Aktar kmieni din il-ġimgħa, ir-referee Malti Peter Balzan kien wieħed miż-żewġ referees li kkontrollaw il-finali ta’ tal-kampjonat Taljan ta’ taħt it-18-il sena. Il-logħba ntrebħet minn Roma Vis Nova Pallanuoto 9-7 kontra Pro Recco u ġiet ikkontrollata flimkien mar-referee Taljan Luca Bianco.
F’din il-fażi finali li fiha ħadu sehem tmien timijiet, Peter Balzan kien involut f’total ta’ ħames logħbiet mifruxa bejn it-3 u s-6 ta’ Lulju. Hu kkontrolla l-logħbiet Acquachiara v Posillipo, Brescia v Acquachiara, Roma Vis Nova v Iren Genova Quinto, Iren Genova Quinto v Brescia u l-finali. Il-logħbiet kollha ntlagħbu f’Monterotondo.
Ftit jiem oħra, preċiżament bejn il-11 u l-14 ta’ Lulju, ir-referee Stefan Licari se jmur Avezzano fil-provinċja ta’ L’Aquila biex ikun parti mill-grupp ta’ referees għall-fażi finali tal-kampjonat Taljan ta’ taħt is-16-il sena. It-timijiet li se jieħdu sehem huma Iren Genova Quinto, Palermo Nuoto, Roma Vis Nova, Alma, Bogliasco, Posillipo, Lazio Nuoto u Roma Zero9 Team.
//= $special ?>