Coronavirus Lokali Saħħa

Żewġ persuni oħra jmutu bil-Covid-19, 471 każ ġdid

Bejn il-Ġimgħa u s-Sibt mietu żewġ persuni oħra kaġun tal-Covid-19 biex issa n-numru ta’ vittmi tela’ għal 756.

Fl-aħħar sigħat kellna 471 każ ġdid tal-virus, bil-każijiet attivi issa huma 7,890.

Aħbar tajba hi li fl-aħħar 24 siegħa fiequ 518-il persuna.

F’intervista fuq 103FM il-Professur Charmaine Gauci qalet li bħalissa l-konċentrazzjoni hija li jkunu protetti mill-virus dawk l-aktar vulnerabbli.

Is-Supridendent tas-Saħħa Pubblika sostniet li l-ġimgħa li għaddiet ir-rata tal-pożittività mis-swab tests li saru kienet ta’ 28% aktar minn dik f’Jannar u f’April li għadda.

F’kummenti li qalet tul il-programm immexxi minn Andrew Azzopardi tat indikazzjoni li l-previżjonijiet fl-Ewropa qed jindikaw li l-każijiet issa se jerġgħu jibdew jonqsu

Hija tenniet li l-istaġun tas-sajf jara trasport ta’ ħafna persuni, minħabba li ħafna nies jagħżlu li jmorru għall-vaganza. Għalhekk hija appellat biex tinżamm il-kawtela u biex wieħed jipproteġi lilu nnifsu bl-aqwa mod possibbli.