“Nispera li l-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia jara d-dawl u bħall-President ta’ Malta George Vella jifhem aħjar l-fatti u jagħraf x’inhi l-aħjar soluzzjoni għat-trasport.”
Hekk stqarr id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Toni Bezzina permezz ta’ post fuq facebook, meta għamel appell lill-Gvern biex jiżen l-informazzjoni neċessarja kollha u jiddeċiedi b’għaqal rigward il-kunċett ta’ Light Rail Metro.
Toni Bezzina qal li meta din l-idea kien issuġġeriha l-Partit Nazzjonalista lura fl-2017, il-Partit Laburista kien għamilha l-missjoni tiegħu li jiddieħak b’din l-idea u jirridikolaha. Madankollu, 5 snin u 500,000 ewro f’direct orders wara, il-Partit Laburista żvela l-idea tiegħu għall-Metro li l-kunċett tagħha, skont Bezzina kien ibbażat fuq l-istess kunċett li kienet imfassla l-idea tal-Partit Nazzjonalista.
Bezzina kompla jispjega li l-istess reġa’ ġara fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2022 meta l-Partit Nazzjonalista kien ħareġ bil-kunċett tas-sistema tat-trasport għall-massa, li hi alternattiva tanġibli u effettiva u fl-istess ħin tiżgura l-implimentazjoni fi żmien ftit xhur.
Iżda anke hawnhekk, il-Partit Laburista reġa’ ra kif għamel u irredikola din l-idea.
Madankollu 100 ġurnata wara l-elezzjoni, il-President ta’ Malta George Vella rrikonoxxa li l-proposta tal-metro li ħareġ biha l-Partit Laburista mhix possibbli, u li l-proposta tal-Partit Nazzjonalista hija infatti ferm aktar fattwali u possibli.
Id-deputat Toni Bezzina talab lill-Gvern u speċifikament lil Ministru tat-Trasport Aaron Farruġia biex jara d-dawl u jevita l-partiġġjaniżmu meta jiġi biex jiddeċiedi fuq il-futur tat-trasport pubbliku ta’ pajjiżna, b’Bezzina jittama li bħall-President ta’ Malta George Vella, Aaron Farrugia jifhem aħjar u jagħraf x’inhi l-aħjar soluzzjoni.
//= $special ?>