Statistika li ħarġet mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika turi kif il-prezz tal-bini f’pajjiżna żdied b’6.7% fi żmien sena biss.
L-istatistika tqabbel l-ewwel kwart tal-2021 u tal-2022 fejn il-figuri juru li din iż-żieda ġiet affetwata b’mod speċjali wara ż-żieda fil-prezz tal-Maisonettes… żieda ta’ 9.5% fuq sena waħda biss.
Minn naħa l-oħra, l-iktar propjetajiet li qed jinxtraw, jiġifieri l-appartamenti, raw żieda ta’ 6.1%.
Fuq l-aħħar sentejn, il-prezz tal-bini ra żieda ta’ 11.6%… jiġifieri jekk appartament sentejn ilu kien jiswa’ €250,000, illum il-ġurnata l-istess appartament jiswa’ €28,250 iktar… jiġifieri kważi €280,000.
Din l-istatistika tikkunsidra biss appartamenti, maisonettes u terraced houses u mhux tipi ta’ propjetajiet oħra.
Mill-2017 sa din is-sena, jiġifieri fuq xejra ta’ sitt snin, l-ikbar żieda li dehret kienet propju din is-sena… bis-snin passati saħansitra raw żieda ta’ 2% inqas minn din is-sena.
U din ma kinitx l-unika żieda fil-prezzijiet li rajna fil-bini ta’ propjetajiet… hekk kif fl-aħħar xhur ġie nnotat żieda f’materjal tal-konstruzzjoni. Fil-fatt, l-invażjoni fl-Ukrajna kkawżat żieda ta’ 30% fil-prezz tal-ħadid filwaqt li mill-bidu tal-pandemija s’issa, materjal ta’ kostruzzjoni ieħor ukoll żdied b’30%.