Sport Sport Ieħor

Ir-Regatta taż-żgħażagħ terġa’ tintrebaħ mill-Isla

(Ritratt: Clive Pulis)

Id-distrett tal-Isla rebaħ ir-Regatta taż-żgħażagħ ta’ din is-sena, regatta li kienet qed tirritorna wara li fl-aħħar sentejn ma saritx minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Ir-riżultat finali fisser li l-Isla żammet ix-Shield wara li rebħet l-aħħar edizzjoni fl-2019.

Din ir-regatta kienet għal dawk taħt l-20 sena minflok ta’ taħt it-18-il sena. Dan wara deċiżjoni tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor biex iż-żgħażagħ li tilfu din ir-Regatta minħabba l-pandemija, xorta ma jitilfux din l-esperjenza.

Bormla fetħu tajjeb meta rebħu l-ewwel tellieqa li tgħodd għax-Shield, jiġifieri Tal-Pass b’erbgħa bil-punti tat-tellieqa Tal-Midalji. Permezz tal-ekwipaġġ magħmul minn Dean Agius, Denzel Thornton, Nicholas Paris u Isaac Mizzi, għelbu l-isfida tal-Isla u l-Kalkara li daħlu t-tieni u t-tielet rispettivament.

Owden Caruana Smith u Deacon Abela Wilson rebħu t-tellieqa tal-Frejgatini f’isem l-Isla segwiti mill-Birgu u Bormla. Palju għal Marsamxett bir-rebħ fit-tellieqa Tal-Pass b’żewġ imqadef permezz ta’ Mel Magro u Shylon Gauci.

Ir-raba’ tellieqa, dik tal-Kajjikki ntrebħet minn Kohath Mallia u Kurt Cassar tal-Kalkara, segwiti mill-Isla u Bormla. It-tellieqa li fissret ir-rebħ tax-Shield għall-Isla kienet Tal-Pass b’erbgħa’ mqadef. Luke Farrugia, Cayvon Gatt, Owden Caruana Smith u Denilson Long daħlu l-ewwel qabel Marsamxett u Bormla.

Fi tmiem ir-Regatta, is-Segretarju tal-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor Joseph Long ippreżenta x-Shield lill-President tal-Isla Charmaine Gerafa.

Minbarra t-tlielaq għax-Shield ta’ taħt l-20 sena, saru żewġ tlielaq li fetħu l-programm. Marsamxett permezz ta’ Peter Cremona rebħu t-tellieqa tal-Barklori, tellieqa b’qaddief wieħed fuq l-opra tal-baħar. Gordon Dimitri f’isem il-Birgu u Davison Micallef f’isem il-Kalkara spiċċaw it-tieni u t-tielet rispettivament.

It-tellieqa tan-nisa bil-Frejgatini ntrebħet mill-koppja Brooke Stivala u Aaliyah Bonello tal-Isla. Il-Kalkara permezz ta’ Kenzie Abela u Narkesha Mizzi daħlu t-tieni segwiti minn Jade Cachia u Chanelle Avellino tal-Birgu.

Ir-riżultati kollha

Tellieqa tal-Barklori

Riżultat – 1. Marsamxett 2. Birgu, 3. Kalkara

Tellieqa tan-nisa

Riżultat – 1. Isla 2. Kalkara, 3. Birgu

L-ewwel tellieqa – Tal-Pass b’erbgħa (Midalji)

Riżultat – 1. Bormla 20 punt, 2. Isla 12-il punt, 3. Kalkara 6 punti

It-tieni tellieqa – Frejgatini

Riżultat – 1. Isla 12-il punt, 2. Birgu 8 punti, 3. Bormla 4 punti

It-tielet tellieqa – Tal-Pass bi tnejn

Riżultat – 1. Marsamxett 20 punt, 2. Kalkara 12-il punt, 3. Isla 6 punti

Ir-raba’ tellieqa – Kajjikki

Riżultat – 1. Kalkara 12-il punt, 2. Isla 8 punti, 3. Bormla 4 punti

Il-ħames tellieqa – Tal-Pass b’erbgħa

Riżultat – 1. Isla 24 punt, 2. Marsamxett 16-il punt, 3. Bormla 8 punti

Klassifika Finali

Isla 62 punt, Marsamxett 36 punt, Bormla 36 punt, Kalkara 30 punt, Birgu 8 punti