Coronavirus Lokali

L-Isptar Mater Dei mhux ilaħħaq mal-pazjenti tal-Covid

“Xejn ma nbidel – u żgur mhux forsi m’aħnix business as usual”

Huwa dan is-sentiment tal-infermiera fl-Isptar Mater Dei hekk kif fl-aħħar ġimgħat raw żieda fl-ammont ta’ pazjenti rikoverati kawża tal-Covid-19, b’disa’ swali fl-Isptar issa qalbu kompletament bħala swali tal-Covid, b’kull sala fiha bejn 20 u 24 pazjent. Fost dawn is-swali hemm dawk is-swali li jilqgħu pazjenti f’każ li jinqala’ inċident sever b’numru ta’ persuni li jeħtieġu l-kura… f’kelma oħra, f’każ ta’ inċident sever, l-Isptar Mater Dei jispiċċa m’għandux fejn iqiegħed lil dawn il-persuni.

U mhux hekk biss… numru ta’ pazjenti qed jispiċċaw jitpoġġew f’kuruturi, kmamar ta’ libreriji mediċi, u saħansitra fil-canteen tal-istaff.

Fil-fatt, jidher li l-Isptar Mater Dei bilkemm qed ilaħħaq mal-ammont ta’ każijiet tal-mewġa ta’ Covid li għaddejja bħalissa… liema mewġa qatt ma kienet mistennija li tasal fil-bidu tas-sajf hekk kif in-norma hi li tibda qrib l-istaġun xitwi meta jinżlu t-temperaturi.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace qal mal-gazzetta maltatoday kif il-Gvern qed jibqa’ miexi daqslikieku business as usual meta fil-verità l-infermiera u t-tobba fl-Isptar qed jaffaċja din il-problema weħdihom mingħajr l-għajnuna tal-Ministeru tas-Saħħa jew tal-Gvern.

Pace rrikonoxxa l-fatt li s-swali li fil-bidu tal-pandemija kienu qed jiġu meqjusa bħala temporanji, illum il-ġurnata dawn saru meqjusa bħala permanenti fid-dawl ta’ numru ta’ persuni li qed jiġu rikoverati fl-Isptar kawża ta’ sintomi aggravati li qed jesperjenzaw. Hu qal li dan mhux ideali hekk kif minkejja li dawn is-swali żdiedu, l-ammont ta’ infermiera mhux talli ma żdiedux, talli komplew jonqsu, b’riżultat li mhux ilaħqu mad-domanda li qed ikun hemm.

Hekk kif fl-aħħar snin rajna żieda ta’ barranin li ġew jgħixu f’pajjiżna, il-Gvern Laburista fl-ebda leġislatura ma kkunsidra din iż-żieda fil-popolazzjoni ta’ pajjiżna tant li qatt ma ħaseb biex iżid ir-riżorsi, l-infermiera u l-istaff fl-isptarijiet u l-kliniċi madwar Malta u Għawdex.

Mhux talli hekk, talli sena wara sena rajna numru ta’ infermiera li telqu mill-professjoni jew marru jaħdmu f’pajjiżi oħra minħabba l-kundizzjonijiet u l-pagi miżeri tagħhom.

It-talba biex kull persuna tmur tieħu l-booster tal-Covid qed tibqa’ ssir… madanakollu, meta wieħed qed jirċievi l-appuntament, ħafna qed jintalbu biex imorru f’lokalitajiet ‘il bogħod minn fejn joqgħodu.

Tant hu hekk, li numru ta’ anzjani li ma jsuqux, ikollhom jaqbdu żewġ karozzi tal-linji fl-għeqqel ta’ mewġa ta’ sħana biex jaslu għad-destinazzjoni… b’riżultat li qed jaqtgħu qalbhom milli jmorru.