Illum, il-persuni li jixtiequ jirrikorru għall-IVF għandhom liġi aktar b’saħħitha grazzi għall-emendi li ressaq il-Partit Nazzjonalista.
Hekk stqarr il-Kap tal-PN Bernard Grech meta dalgħodu kien intervistat fuq Net Television, fejn esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu li bħala partit saret ħidma biex titjieb il-liġi tal-IVF.
“Ivvutajna favur il-koppji u l-ħajjiet, u ħarisna lejn il-bilanċ”, stqarr Bernard Grech. “U għalhekk mhux korrett meta nħaltu dawn it-testijiet tal-IVF mal-abort”.
Il-Kap tal-PN fakkar kif il-Grupp Parlamentari fl-aħħar ġimgħat iddiskuta fid-dettall l-emendi li kien ressaq il-Gvern għall-IVF, u għalhekk stinka biex tissaħħaħ din il-liġi u titnaqqas kull possibbiltà ta’ abbuż. Fost dawn l-emendi, kien hemm dik li jsiru testijiet fuq il-bajda tal-omm (Polar body testing) u mhux fuq bajda fertilizzata.
Tul l-intervista, Bernard Grech fakkar li l-Liġi tal-IVF kien daħħalha il-PN fl-2012.
Meta tkellem dwar id-deal mal-Ġordaniżi ta’ Sadeen, Bernard Grech qal li l-Gvern qed jipprova jsewwi l-ħsara li għamel hu stess. U issa, ta art fi Smart City għal 47ċ kull metru kwadru.
Hawn, Bernard Grech semma’ wkoll il-ftehim sigriet ma’ Sadeen illi kien sar mill-Gvern Laburista, u li inkixef fil-Parlament mid-deputat Karol Aquilina.
Dwar il-kwistjoni tal-Belt, il-Kap tal-PN qal illi dan il-każ tal-mużika juri kemm il-Gvern m’għandux rispett lejn il-Beltin u lejn dawk in-negozji li investew flus kbar fl-aħħar snin fil-kapitali. Hu insista li anke d-deputati Laburisti tad-Distrett abbandunaw lill-Beltin. Filwaqt li l-Kunsill Laburista għandu sarima ma’ ħalqu.
Fil-bidu ta’ din l-intervista, il-Kap tal-PN stqarr li x-xogħol tal-partit mhux se jieqaf matul is-Sajf. B’laqgħat regolari li se jissoktaw anke f’dan ix-xhur.