Raġel ta’ 30 sena residenti x-Xewkija, Għawdex ġie arrestat dalgħodu mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga b’rabta ma’ sejba t’għalqa għall-kultivazzjoni tal-kannabis.
Wara informazzjoni li rċiviet, il-Pulizija għamlet ġranet tosserva għalqa fil-limiti tax-Xewkija għall-possibiltà t’użu biex tiġi kkultivata l-kannabis. Illum, il-Pulizija daħlu fiha u sabu madwar 55 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, żrieragħ u affarijiet relatati mal-ipproċessar ta-droga, biex imbagħad din tiġi ttraffikata.
Fil-post kien hemm r-raġel li ġie arrestat. L-investigazzjonijiet u t-tfittxijiet komplew fir-residenza tal-arrestat fix-Xewkija ukoll, fejn hemmhekk instabu iżjed affarijiet relatati mal-ipproċessar tad-droga.
Il-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech ġiet infurmata bis-sejba u ħatret inkjesta.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin b’akkużi relatati ma’ dan il-każ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.