Kunsilli Lokali Lokali

Il-PN isostni l-appelli biex il-Gvern jiddiskuti tassew mal-Furjaniżi

Ma jaqtgħu xejn l-appelli kontinwi biex il-Gvern jiddiskuti mal-Furjaniżi dwar x’se jkun qiegħed jiġri eżatt bi Triq Sant’Anna fil-Floriana, u xi ħsibijiet hemm għall-futur.

Net News tkellem mal-Minority Leader tal-lokalità Furjaniża James Aaron Ellul illi spjegalna l-ħidma li saret u li qed tkompli issir mill-Partit Nazzjonalista dwar ir-reġenerazzjoni ta’ Triq Sant’Anna.

“Bħala PN fil-Floriana ilna nitkellmu, ilna nitolbu, biex isiru laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar il-proġett ta’ Triq Sant’Anna, x’se jiġri minn Triq Sant’Anna, dan qed nagħmluh l-ewwel u qabel kollox qed nagħmluh għax jeħtieġ li bħala Furjaniżi nkunu nafu x’se jiġri minn din it-triq.

Mhux hekk biss, iżda qed nispiċċaw neħlu f’ċertu proġetti, jew ideat minħabba li mhux issir konsultazzjoni u għadna fil-għama ta’ se jiġri. Bħal pereżempju hemm bżonn restawr tal-loġoġ, dan għadu ma sarx. Hemm ukoll il-materja tas-subway, drenaġġ li ħiereġ mis-subway, jeħtieġ restawr ta’ dan, iżda ma nafux x’se jiġri. L-istess ukoll hemm il-kwistjoni tal-bozoz fi Triq Sant’Anna.”

“Il-proġett qiegħed iwaħħal ukoll proġetti oħra li forsi huma minuri meta mqabbla ma’ dak maġġuri”

Ellul tenna illi dan il-proġett għandu jħares il-qalb tal-lokal, li hija r-residenti, u għalhekk il-konsiltazzjoni jeħtieġ li ssir mill-aktar fis.

“Meta aħna nitkellmu dwar konsultazzjoni mhux biss għax aħna rridu nkunu nafu x’se jiġri, però fil-qofol tal-ħidma tagħna, huwa li npoġġu lill-Floriana fiċ-ċentru tal-ħidma. Aħna ma jistax ikollna proġett maġġuri bħal dan u konsultazzjoni mar-residenti u man-negozjanti għadha ma saritx.

Bħala PN ilna nappellaw, biex proġetti bħal dawn jagħtu l-ewwel prijorità lir-riġenerazzjoni tal-lokal, u l-prijorità tkun lejn il-qalba tal-lokal, li fuq kollox hija s-soċjetà li tagħmel lill-Floriana”

Flimkien ma’ James Aaron Ellul, fil-Kunsill Lokali tal-Floriana hemm il-Kunsilliera Nazzjonalista Justine Palmier.