Fil-Qorti kompla l-każ ta’ Eliott Paul Busuttil, li jinsab akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia, bis-seduta tat-Tnejn tkun iddominata minn xhud partikolari, li r-risposti tagħha qajmu kontroversji fl-awla. Dan meta x-xhud, li isimha ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-qorti, ġiet imwissija għal diversi drabi għall-imġieba evażiva tagħha.
Il-każ tal-qtil ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena, li l-katavru tiegħu instab fil-bagoll tal-karozza tiegħu stess f’wied Ħal Qormi fil-5 ta’ April, kompla quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima llum waranofsinhar.
L-ewwel xhud kienet filfatt mara, assistita minn interpretu Rumen, bil-Prosekutur George Camilleri, mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, mexxa l-eżami tax-xhud. Il-mara qalet li tgħix f’Buġibba u ġiet tgħix Malta l-ewwel darba fl-2015. Hija marret ir-Rumanija ftit snin wara qabel ma rritornat Malta fl-2020.
L-ewwel mument li bdew it-twissijiet lejn ix-xhud kien meta hi ġiet mistoqsija “Min hu Eliott Busuttil?” Dan meta wieġbet li “huwa persuna.” Kien hawnhekk fejn il-qorti staqsietha direttament kif kienet tafu. Għall-ewwel qalet li ma tistax tiftakar, iżda imbgħad qalet li ilha tafu sa mill-2018. Mitluba tispjega l-ħbiberija tagħha mal-akkużat, il-mara qalet li huma konoxxenti ta’ xulxin aktar milli ħbieb u saħqet li qatt ma kien hemm xi tip ta’ rabta romantika.
Ix-xhud qalet li kien hemm snin fejn ma ltaqgħux u xi drabi f’xahar fejn kienu jiltaqgħu diversi drabi iżda saħqet li ma kien hemm l-ebda skop partikolari għal-laqgħat tagħhom. Il-Maġistrat ma kienx impresjonat bit-tweġibiet u wissa lill-mara li kienet f’xifer li tiġi kkundannata mill-qorti u tinstab b’disprezz lejn il-Qorti.
Meta kompliet ix-xhieda, il-mara qalet li kienu jiltaqgħu l-iktar fid-dar tiegħu, f’Ħ’Attard fejn Busuttil kien jgħix mal-ġenituri tiegħu. Hi żiedet li l-aħħar darba li kienet hemm, ħu Busuttil kien ukoll id-dar, wara li ħareġ mill-isptar. Dan kien fit-28 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
F’din il-parti tax-xhieda tagħha, il-mara qalet li kienet iżżur lil ħu Busuttil u mhux lilu personali. Hawnhekk qalet li ma kienetx ħabiba tal-akkużat u ma kienetx taf ħafna dwar il-ħajja personali tiegħu. Din ir-risposta ma niżletx tajjeb fil-Qorti għall-fatt li r-risposta ta’ qabel kienu jindikaw mod ieħor. Kien għalhekk li l-Maġistrat reġa’ wissa lix-xhud. Din ix-xejra kompliet u kien għalhekk li l-qorti ssospendiet ix-xhieda tagħha u għarrfitha li jekk terġa’ tagħmel dan, hija kienet se tinstab bi disprezz “b’piena li ma tkunx monetarja”.
Dan ifisser li x-xhieda ta’ din ix-xhud se tkompli f’seduta oħra.
Wara xehdu żewġ uffiċjali tal-pulizija, li ddeskrivew l-inkjesti li kienu ħadmu fuqhom. Dawn kienu jinvovli wkoll rapporti li saru mill-ġirien ta’ Busuttil. Il-pulizija kienet analizzat ukoll il-profili tat-telefonati tal-vittma u identifikat raġel li ttieħed għall-interrogazzjoni. Dak ir-raġel kien ipprova jagħmel kuntatt mal-vittma fid-29 ta’ Marzu, żewġ minuti qabel ma l-mowbajl ta’ Farrugia bagħat id-data finali tal-lokalizzazzjoni tiegħu. Ir-raġel qal lill-pulizija li ried juża s-servizzi tal-vittma bħala xufier tat-taxi iżda qal li s-sejħa ma ġietx imwieġba.
Il-kawża ġiet diferita għat-3 ta’ Ottubru.
L-avukati Edward Gatt u Ishmael Psaila huma avukati difensuri ta’ Busuttil. L-Ispettur Wayne Camilleri mexxa il-prosekuzzjoni, bl-għajnuna tal-avukati George Camilleri, Kaylie Bonnett u Maria Schembri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru parte civile, f’isem il-familja tal-vittma.
//= $special ?>