Lokali

Il-ġostra toffri spettaklu fix-xatt tal-Imsida

Il-festi f’Malta joħolqu sensazzjonijiet vibranti f’kull lokalità, f’kull parroċċa, bil-logħob tan-nar, it-tiżjin tat-toroq, kollox jgħin biex jinħoloq l-ambjent awtentiku u uniku ta’ Malta u Għawdex.

Għal ġenerazzjonijiet sħaħ il-ġostra hu sport li jqanqal nostalġija, sport li daħal fil-kulturà Maltija u li fortunatament, grazzi wkoll għall-Kumitat Ġostra Msida, għadu jiġi pprattikat sa llum fil-jiem ta’ qabel il-festa ta’ San Ġużepp.

Il-Ħadd il-logħba tradizzjonali tal-ġostra reġgħet iddominat ix-xatt tal-Imsida hekk kif bosta kompetituri ħadu sehem f’din it-tradizzjoni, li b’mod konsistenti baqgħet popolari mar-residenti,  kif ukoll mat-turisti.

L-għeruq tal-ġostra jmorru lura għal żmien l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, bl-arblu mimdud kien jitwaħħal mix-xatt għal fuq il-baħar, dan kien jiġi midluk bix-xaħam, u fit-tarf tiegħu kien jintrabat xi pakkett b’xi ħaġa tal-ikel ġewwa fih. Min kien jirnexxielu jasal sat-tarf u jiġbor il-pakkett tal-ikel, kien jerbaħ dak il-premju.

Illum dan kollu nbidel xi ftit, u minflok ikel qed ikun hemm il-bnadar imdendla mal-injama, bi grupp ta’ żgħażagħ entużjasti b’passjoni liema bħalha jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni u li fuq kollox jippruvaw jirbħu l-ewwel premju li f’waqtiet ikun jikkonsisti anki fi flus.

Ritratti: Martin Agius