Għawdex Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li instabulu 55 pjanta tal-kannabis

Ser jinżamm arrestat ir-raġel li fis-sigħat li għaddew instabulu għexieren ta’ pjanti tal-kannabis f’għalqa f’Għawdex.

Luke Zammit Haber, electrician ta’ 30 sena ser jinżamm fil-ħabs Kordin wara li tressaq fil-Qorti t’Għawdex b’diversi akkużi.

Dan wasal wara li l-Pulizija, matul il-jum tal-Ħadd, sabu 55 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, f’għalqa li fiha instabet ukoll żerriegħa u affarijiet li jintużaw fl-ipproċessar tad-droga biex wara tiġi ttraffikata. Zammit, li jgħix ix-Xewkija, ġie akkużat ukoll li kellu d-droga LSD u Ketamina.

Fil-qorti, il-Pulizija spjegat kif wasslet għall-arrest wara jiem ta’ sorveljanza fuq l-għalqa.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest abbażi tal-fatt li l-akkużat qatt ma kellu akkużi oħrajn fil-passat u  għaliex għandu dipendenza fuq il-kannabis. Il-Qorti ppreseduta mill-Magistrat Simone Grech, ma laqgħetx it-talba.

Għall-akkużat dehru l-Avukat Matthew Xuereb u Alex Scerri Herrera.