Knisja Lokali

L-Arċisqof jaħtar delegat ġdid għall-Katekeżi

L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Dun David Torpiano bħala Delegat għall‑Katekeżi.

Dun David irċieva l‑formazzjoni tiegħu għall‑ħajja saċerdotali fis‑Seminarju tal‑Arċisqof f’Tal‑Virtù, u l‑formazzjoni akkademika tiegħu fil‑Fakultà tat‑Teoloġija, fl‑Università ta’ Malta fejn kiseb Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali. Ġie ordnat saċerdot fit‑3 ta’ Lulju 2011. Aktar tard, kiseb Liċenzjat fil‑Kateketika mill‑Università Pontifiċja Salesjana u Dottorat fit‑Teoloġija Fundamentali mill‑Università Pontifiċja Gregorjana, it‑tnejn f’Ruma, l‑Italja. Huwa serva fil‑parroċċa ta’ Santa Katarina fiż‑Żurrieq u fil‑preżent qed jagħti s‑sehem tiegħu fil‑parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil‑Belt Valletta, u bħala Segretarju tal‑Kunsill Presbiterali.

Id‑Delegat għall‑Katekeżi għandu l‑missjoni li jikkordina u janima l‑ħidma kateketika, mit‑tfulija sa tul il‑ħajja kollha, li ssir fl‑Arċidjoċesi ta’ Malta, b’mod partikolari fil‑familja, fil‑parroċċi u fil‑komunitajiet Insara.