Wara l-azzjoni ta’ Graffiti li fiha talbu lura l-Blue Lagoon, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo kien ħabbar li l-operaturi mhux se jibqgħu jitħallew ipoġġu deckchairs fuq il-bajja ż-żgħira tal-Blue Lagoon, u li n-numru ta’ deckchairs f’postijiet oħra se jkun limitat. Ftit jiem wara, il-Prim Ministru Robert Abela qal li ntlaħaq bilanċ.
Għalhekk fl-aħħar jiem, Graffiti marru Kemmuna biex jaraw dan l-hekk imsejjaħ ‘bilanċ’ kif jidher fil-verità.
Stqarrija minn Graffiti
Sibna li, għalkemm m’għadx hemm deckchairs fuq il-bajja, l-operaturi xorta għadhom qed joħorġu d-deckchairs qabel jaslu t-turisti, kemm fuq il-moll, kif ukoll f’żoni oħra bir-ramel.
Ħaġa oħra li tara anke minn kmieni filgħodu hija l-fdalijiet tal-cocktails tal-pineapples li jitħallew mill-jiem ta’ qabel. Dawn issibhom madwar il-gżira kollha, u ssib ukoll tazzi tal-plastik u żibel ieħor.
Wara ftit sigħat ta’ paċi, jibdew jaslu d-dgħajjes il-kbar li jħallu mijiet ta’ turisti fuq il-gżira. Il-Moviment Graffitti qiegħed jitlob li dad-dgħajjes kbar jiġu projbiti minn Kemmuna.
Għalkemm s’issa l-Blue Lagoon kien fiċ-ċentru tal-attenzjoni tagħna, nafu li mhuwiex l-unika żona mhedda f’Kemmuna. Mixja tul il-kosta malajr tiżvela kemm dil-gżira żgħira laħqet il-limiti tagħha, aħseb u ara f’liema stat se ssib ruħha jekk il-Gvern jibqa’ għaddej bil-pjanijiet tiegħu li jattira iżjed u iżjed nies.
Iktar ‘il ġewwa fil-gżira, l-aċċess għall-Bajja ta’ San Niklaw ġie kompletament blukkat.
Fit-triqitna lura lejn il-Blue Lagoon waranofsinhar, il-bżonn li jiġi indirizzat l-ammont ta’ nies fuq il-gżira jinħass ovvju. Bħalissa anki tiċċaqlaq diffiċli, aħseb u ara kemm se ssib post biex tpoġġi xugaman. Il-ħafna gabbani li hemm jinsabu wkoll fl-aqwa tagħhom bħalissa, b’mużika tgħajjat ħierġa minn kull wieħed minnhom.
Jekk din hija l-idea li Robert Abela għandu ta’ ‘bilanċ’, dis-seħer ta’ gżira bejn Malta u Għawdex se tintilef fi ftit snin. Flok ħafna kliem fil-vojt, jeħtieġ tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibbli.
//= $special ?>