Il‑Konferenza Episkopali Maltija ħatret lil Dun Dr Carl‑Mario Sultana bħala Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża.
Dun Dr Carl‑Mario Sultana studja fl‑Università ta’ Malta u fl‑Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma fejn speċjaliżża fil‑Pastorali maż‑Żgħażagħ u l‑Kateketika. Huwa lettur anzjan fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fi ħdan l‑Università ta’ Malta u ilu jgħallem l‑Edukazzjoni Reliġjuża u l‑Kateketika mill‑2007. Fl‑2017 nħatar Kap tad‑Dipartiment tat‑Teoloġija Pastorali, Liturġija u Liġi Kanonika fl‑istess Fakultà.
Il‑missjoni tad‑Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża tkopri dak kollu li għandu x’jaqsam mal‑Edukazzjoni Reliġjuża bħala suġġett li jiġi mgħallem fl‑iskejjel tal‑Istat, tal‑Knisja u Indipendenti. Flimkien mal‑Uffiċjali Edukattivi għat‑Tagħlim tar‑Reliġjon fi ħdan il‑Ministeru tal‑Edukazzjoni, id-Delegat għall‑Edukazzjoni Reliġjuża jfassal u jħejji programmi ta’ tagħlim u sillabi biex jiġu mgħallma fl‑iskejjel u jingħata taħriġ speċjalizzat lill‑għalliema tar‑Reliġjon biex dan it‑tagħlim jibqa’ jingħata bl‑aħjar mod possibbli.
//= $special ?>