Edukazzjoni Lokali

L-MUT tgħid li hi tgawdi l-maġġoranza fost l-LSEs

Fi stqarrija il-Union tal-Għalliema (MUT) qalet li hi tgawdi l-maġġoranza tal-LSEs impjegati fis-settur tal-edukazzjoni u saħqet li hija l-unika union rikonoxxuta f’dan ir-rigward.

F’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-UPE, l-MUT affermat li għandha din l-imsemmija maġġoranza fi skejjel tal-istat, tal-knisja u indipendenti u qalet li se tkompli taħdem għall-interess tal-LSEs, li jiffurmaw parti mill-gradi kollha tal-edukazzjoni li jagħtu servizzi fl-iskejjel.

L-MUT saħqet li temmen li l-interessi tal-edukaturi jistgħu jintlaħqu biss meta jkun hemm front magħqud magħmul mill-edukaturi kollha. Qalet li l-qsim tal-edukaturi huwa ta’ detriment għall-istess minoranzi li qed ifittxu rappreżentazzjoni separata.

Il-Union tal-Għalliema qalet li din is-sena għandha tibda negozjati għal ftehim settorjali ġdid għall-LSEs u l-gradi kollha tal-edukazzjoni peress li l-ftehim settorjali fis-seħħ ser jiskadi aktar tard din is-sena.