Internazzjonali

“Se nirritaljaw b’armata ta’ miljun persuna”

Dikjarazzjoni b’saħħitha mill-Gvern Ukren illi lest jgħaqqad armata ta’ miljun ruħ biex jieħu lura l-artijiet fil-Lvant u n-nofsinhar tal-pajjiż li waqgħu taħt il-kontroll tar-Russi.

Dan intqal mill-Ministru tad-Difiza tal-Ukrajna, f’dak li hafna qed iqisuh bhala messaġġ biex il-poplu jgħolli l-moral wara l-avvanzi kbar li għamlet l-armata tal-Kremlin.

Fl-aħħar sigħat, is-suldati Russi baqgħu jibbumbardja Kharkiv u bliet oħrajn. Dan filwaqt li kompla l-avvanz tas-sulati ta’ Vladimir Putin fir-regjun tad-Donetsk.

F’Kharkiv b’mod partikolari, kien hemm mill-ġdid rapporti li indikaw attakk fuq binja residenzjali ta’ sitt sulari. Dan filwaqt li kompla jiżdied in-numru ta’ vittmi li tilfu ħajjithom l-isplużjoni tas-sibt fil-belt ta’ Chasiv Yar – fejn il-mejta issa telgħu għal 19.

Quddiem dan kollu…il-Ministru tad-Difiża Ukren appella biex il-Punent iwassal aktar armi, li tant huma bżonjużi għad-difiża tal-Ukrajna. Il-Ministru fakkar li bħalissa l-armata Ukrena għandha mas-700,000 suldat – u meta iżżid il-Pulizija u l-Gwardji tal-Fruntiera, din il-forza titla’ għal miljun persuna.

Intant, fi żviluppi separati, sar magħruf illi r-Russi qatgħu il-provvista tal-gass mill-Baħar Baltiku lejn il-Ġermanja – provvista li titwassal mill-pipeline Nord Stream 1.

Dan il-gass se jitwaqqaf għal għaxart ijiem, bl-operatur Russu jgħid li din hija kwistjoni marbuta ma’ maintenance tal-pipeline. Iżda l-Gvern Ġermaniż għandu dubji kbar – b’diversi Ministri jistqarru li din kienet mossa politika tal-Kremlin kontra l-Ġermanja.