F’ċerimonja uffiċjali ta’ merħba, dalgħodu l-President George Vella laqa’ lill-President Kroat Zoran Milanovic fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta u wara fil-Palazz tal-President fejn hemmhekk kellhom l-okkażjoni li jitkellmu dwar numru ta’ temi li jikkonċernaw liż-żewġ pajjiżi.
Waqt din il-laqgħa huma tkellmu fost l-oħrajn dwar id-dħul tal-Kroazja fiz-zona ewro hekk kif f’Jannar tas-sena d-dieħla, se tkun qed tingħaqad mad-dsatax-il pajjiż Ewropew li għandhom il-munita komuni tal-ewro. Pass li ttieħed minn Gvern Nazzjonalista li kien kruċjali sabiex fost l-oħrajn Malta ssaħħaħ is-settur turistiku tagħha.
Fl-istess laqgħa saru wkoll diskussjonijiet dwar il-baħar Mediterran u kif Malta tista’ tkompli tgħin fis-sitwazzjoni tal-immigranti. Il-President George Vella żied jgħid li Malta se tibqa’ tagħmel l-almu kollu tagħha sabiex il-problema tat-tibdil fil-klima u dik tal-immigrazzjoni jkunu indirizzati fl-aħjar interess tal-popli milquta,.
Huma tkellmu wkoll dwar is-sitwazzjoni tal-gwerra fl-Ukrajna u dwar l-impatt li qed tħalli din il-gwerra li ħolqot instabbiltà madwar id-dinja kollha. B’dan kollu qed jiġri wara sentejn ta’ pandemija li wkoll affettwat lid-dinja kollha.
Wara, il-President tar-Repubblika tal-Kroazja qiegħed kuruna tal-fjuri quddiem il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana.
//= $special ?>