Lokali

Brian Tonna tpoġġa mill-Gvern fuq kumitat tal-Enemalta waqt l-għotja tal-kuntratt tal-powerstation

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Enemalta xejjen dak li qal l-eks chairman tal-istess kumpanija, Charles Mangion, li fil-proċess tal-għotja tal-kuntratt lill-Electrogas, il-Bord tal-Enemalta kien sempliċiment qed jirratifika l-għotja tal-kuntratt.

B’kuntrast ma’ dak li qal l-eks Ministru Laburista, Louis Giordimaina kkonferma li qabel ma ntagħżel il-konsorzju tal-Electrogas bħala l-offerent preferut għall-proġett tal-powerstation, saru diskussjonijiet sabiex ikunu evalwati l-offerti kollha.

Tul il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Kontijiet Pubbliċi tat-Tlieta, Giordimani kkonferma li hu kien għamilha ċara mad-diretturi tal-Enemalta, li bil-ftehim milħuq mal-Electrogas, ir-riskju ghadda fuq il Gvern u l-Enemalta. L-eks CEO qal li minkejja dan, il-board accetta li jiehu r-riskju fuqu minflok ma dan jiġarr mill Electrogas.

Intant, l-eks Ministru Laburista Charles Mangion, kien  qal ukoll li mal-Ministru Konrad Mizzi kellu biss laqgħat informali, u li dwar l-għażla ta’ min se jingħażel fil-kuntratt qatt ma kellu komunikazzjoni mal-ex Ministru Mizzi. Izda Giordiamaina kkonferma li hu stess li kellu żewġ laqgħat mal-Ministru Mizzi.

Giordimaina ta konferma wkoll li l-Gvern Laburista kien għażel għadd ta’ persuni u poġġihom fuq il-kumitati li kellhom jippreżentaw rapporti dwar il-proġett u l-offerenti tiegħu.

Fost dawk magħzula b’dan il-mod kien hemm id-direttur ta’ Nexia BT Brian Tonna.

Brian Tonna jinsab akkuzat b’reati kriminali flimkien ma’ 10 persuni oħra, fosthom Keith Schembri.

Tonna qed jiffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus.

Il-laqgħa tal-PAC tmexxiet miċ-Chairperson, id-Deputat Nazzjonalista Darren Carrabot, bil-membri l-oħra tal-Partit Nazzjonalista David Agius u Graham Bencini jagħmlu għadd ta’ mistoqsijiet lil Giordimaini b’rabta mal-għotja tal-kuntratt tal-powerstation.