L-MPE David Casa laqa’ t-traspożizzjoni eventwali tad-drittijiet minquxa fid- Direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Casa kien in-negozjatur ewlieni tal-Parlament Ewropew għad-drittijiet il-ġodda tal-familja li għandhom jiġu implimentati madwar l-Unjoni Ewropea sax-xahar id-dieħel.
“Dawn id-drittijiet se jirriżultaw f’bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familji, itejbu l-opportunitajiet għall-ommijiet fuq il-post tax-xogħol, itejbu l-ugwaljanza bejn il-mara u r-raġel, u jġibu impatt pożittiv fuq l-ekonomiji Maltin u Għawdxin.”
Casa spjega li d-Direttiva tistabbilixxi l-istandards minimi għall-miżuri favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, fl-Unjoni Ewropea. L-ewroparlamentari nnota li l-Gvern Malti għażel li jimplimenta l-minimu li seta’ jagħmel.
“Id-Direttiva tistabbilixxi l-minimu. Xtaqt nara aktar inizjattiva min-naħa tal-Gvern, f’konformità mal-proposti mbuttati mill-Partit Nazzjonalista. Il-familji tagħna żgur li hekk ħaqqhom.”
Casa ddispjaċih li l-Gvern Malti stenna sal-aħħar mument biex jagħti drittijiet lill-familji li setgħu ġew implimentati mill-2019. Casa esprima t-tħassib tiegħu dwar kif il-miżuri l-ġodda se jkunu ffinanzjati wara l-2023, wara l-Il-Gvern ħabbar li s-settur privat se jkun involut fil-finanzjament tal-miżuri.
“Filwaqt li l-impatt tal-miżuri tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bla dubju se jkollhom impatt pożittiv fuq l-ekonomija, dejjem kienet it-tama tiegħi li jkun il-Gvern li jiffinanzja pass bħal dan essenzjali għall-familji tant bieżla tagħna.
“Għandna bżonn aktar dettalji dwar kif din il-liġi Ewropea ser tiġi implimentata.”
It-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva tħabbret mill-Gvern Malti f’konferenza stampa mogħtija aktar kmieni llum.
Intant permezz ta’ post fuq il-midja soċjali l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech irringrazzja l-ħidma ta’ David Casa. Madanakollu stqarr li hija ħasra li l-Gvern għażel li jimplimenta biss il-minimu minn dak propost.
Huwa insista li dan huwa biss pass tal-aħħar ħin għax ma għandu ebda għażla oħra.
Bernard Grech saħaq li permezz tal-Cluster tiegħu dwar dan is-suġġett, u anke fil-programm elettorali tiegħu, il-PN ħareġ b’sensiela ta’ proposti reali ispirati minn din id-direttivi u ntiżi sabiex jgħinu bżmod aktar wiesa; lill-familji Maltin u Għawdxin.
//= $special ?>